Lokali

Malti arrestat f’operazzjoni internazzjonali dwar bejgħ ta’ malware illegali fuq id-darkweb

Malti ta’ 27 sena ġie arrestat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware llegali fuq id-‘darkweb’ kif ukoll
b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’. Dan l-arrest sar f’operazzjoni mill-Pulizija Maltija bil-għan li tassisti fl-investigazzjonijiet tal-FBI fl-Istati Uniti.

Dan il-malware, magħrufa bħala RAT (Remote Access Trojan), jintuża mill-kriminali sabiex jiksbu aċċess u kontroll tal-kompjuters jew servers tal-vittmi.

Huwa mifhum li hemm diversi vittmi fl-Istati Uniti li sfaw vittma ta’ dan ir-RAT, pero s’issa ma
jirriżultax li hemm vittmi f’Malta.

L-investigazzjonijiet f’Malta tmexxew mit-Taqsima tas-Cyber Crime, wara talba għall-assistenza li ntbagħtet mill-Istati Uniti, li kienet tindika li suspettat ewlieni fil-bejgħ ta’ dan ir-RAT huwa Malti. Dawn l-investigazzjonijiet waslu biex ġie identifikat is-suspettat Malti u li kien f’assoċjazzjoni ma’ kriminali oħra li m’humiex Maltin u lanqas jgħixu f’Malta.

Nhar l-Erbgħa, il-Pulizija Maltija arrestat lis-suspettat fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja. Waqt tfittxijiet li saru f’diversi postijiet tas-suspettat, ġew elevati numru ta’ affarijiet b’rabta ma’ din l-investigazzjoni.

Ir-raġel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti ilbierah waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa
Giannella Camilleri Busuttil, sabiex jibdew il-proċeduri biex jiġi estradit lejn l-Istati Uniti,
ħalli jiffaċċja l-akkużi quddiem il-Qorti Amerikana. Huwa ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni u qiegħed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

B’rabta ma’ din l-investigazzjoni, ġie arrestat ukoll kompliċi Niġerjan, li jgħix fin-Niġerja.
Operazzjonijiet oħra f’diversi pajjiżi, b’rabta ma’ l-istess bejgħ ta’ malware llegali fuq id-
‘darkweb’, kienet qiegħda titmexxa mill-Europol, bl-involviment ta’ diversi stati oħra, fosthom
il-Pulizija Federali Awstraljana, il-Pulizija tal-Kanada, tal-Kroazja, tal-Finlandja, tal-Olanda, tar-Rumanija, tal-Ġermanja u tan-Niġerja.