VALLETTA …………………… 0
BIRKIRKARA …………………..1
Valletta: A. Guarnone, J. Bolanos, E. Ruiz (M. Jezdimirovic 85’), F. Barrientos, S. Dimech, G. Vieira (A. Silas 68’), J. Azzopardi (C. Gauci 91’), V. Prestes Filho, N. Micallef, J. Benites (K. Ewurun 68’), D. Nogueira (P. Ohaka 91’).
Birkirkara: M. Zapytowski, E. Pepe, P, Mbong, A. Zammit (O. Elouni 61’), K. Zammit, E. Pena Beltre, N. Micallef, A. Coppola, E. Sarpong (A. Ciolacu 83’), A, Diakite, M. Maia (A. Satariano 76’).
Referee: Matthew De Gabriele
Ass. Referees: Roberto Vella, Max-Lee Muscat
Skorjaw: A. Coppola 93’
Imwissija: P. Mbong, A. Coppola
Daqqa ta’ ras ta’ Coppola fit-93 minuta tat lil Birkirkara rebħa drammatika kontra Valletta, riżultat li jpoġġi lil Valletta f’iktar inkwiet tar-relegation.
Din il-logħba li lejn tmiem is-seklu l-ieħor u bidu ta’ dan is-seklu kienet tisraq ix-xena tal-futbol lokali, il-Ġimgħa filgħaxija uriet stampa kompletament differenti, stampa li turi żewġ timijiet li għaddejjin minn mument verament diffiċli, speċjalment Valletta.
Il-logħba fil-fatt tista’ titqies bħala waħda mill-iktar medjokri bit-timijiet konfużi u mingħajr wisq ideat. Bla dubju li jekk kien hemm xi ħadd li kien jistħoqqlu t-tliet punti dawn kienu Birkirkara li kellhom ħafna iktar mil-logħob, kienu huma l-iktar li ppruvaw jersqu lejn il-lasta u finalment kienu huma biss li kellhom tentattivi lejn il-lasta avversarja.
Fuq in-naħa l-oħra Valletta jistgħu iħossuhom sfortunati li ma kisbux punt minn dan il-konfront. Iżda fir-realta’ il-wirja ta’ Valletta kienet wisq fqira fl-attakk fejn il-goalkeeper ta’ Birkirkara qatt ma kien impenjat f’disgħin minuta. Valletta ddefendew tajjeb iżda kull meta kisbu l-pussess tal-ballun ma kellhom l-ebda pjan jew viżjoni x’se jagħmlu bil-ballun.
L-uniċi tentattivi tal-ewwel taqsima kienu kollha ta’ Birkirkara, bl-ewwel u l-isbaħ xutt tal-logħba jasal wara 37 minuta ta’ medjokrita’. Kien xutt mid-distanza ta’ Diakite li kien salvat bi bravura minn Guarnone. L-istess goalkeeper salva ftit wara fuq kross shot perikoluż ta’ Kurt Zammit u fil-45 minuta xutt ta’ Coppola mar ftit għoli.
Fit-tieni taqsima żdied ir-ritmu u l-intensita’ tal-logħob iżda l-andament baqa’ l-istess bil-Beltin jiddefendu u jissieltu għal kull ballun u bil-Karkariżi jagħmlu ħafna żbalji fit-tmexxija tal-ballun. Il-logħba dehret destinata għal draw ta’ mingħajr goals sakemm fit-93 minuta minn azzjoni ta’ korner, ħarġa xejn konvinċenti ta’ Guarnone u daqqa ta’ ras ta’ Coppola bil-ballun jaqbeż il-linja minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Ohaka li jtajjar minn fuq il-linja.
Ritratti ta’ Catriel Farrugia
//= $special ?>