Lokali

Red Electric b’kanzunetta ġdida bl-isem ‘Time Flies’

Il-grupp mużikali Red Electric nedew kanzunetta ġdida bl-isem ‘Time Flies’ għal jum San Valentinu.

Fl-2023, Red Electric komplew b’sensiela ta’ suċċessi fosthom nedew EP ġdid, taw diversi prestazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna u saħansitra fetħu għal Robbie Williams quddiem udjenza t’eluf fuq il-Fosos tal-Furjana. Madanakollu, minkejja l-iskeda impenjattiva tagħhom, id-dedikazzjoni tagħhom għal kitba tal-kanzunetti ma naqsitx. ‘Time Flies’ hija biss waħda mill-ħafna materjal ġdid minn Red Electric din is-sena.

 ‘Time Flies’ hija kanzunetta li ġiet miktuba mill-erba’ mużiċisti f’Red Electric waqt vjaġġ tagħhom fir-Renju Unit u hija ispirata minn eroj Brittaniċi bħal The Cure, The Smiths u wkoll artisti aktar kontemporanji bħal Lewis Capaldi u Harry Styles.

Lirikament, Joe jitkellem dwar kif jgħaddi ż-żmien, u kemm jgħaddi malajr meta tkun fil-preżenza ta’ xi ħadd li tħobb – kemm jekk ikun ħabib, sieħeb jew membru tal-familja. 

L-imħabba kienet suġġett ta’ ispirazzjoni ta’ eluf ta’ kanzunetti tul l-istorja tal-mużika pop, u s-suġġett ta’ din il-kanzunetta ma jivvintax mill-ġdid ir-rota, iżda jekk taħseb fuqha, il-kunċett u l-emozzjoni tal-imħabba ma tantx varjaw ħafna mill-eżistenza tar-razza umana.

‘Time Flies’ titratta dwar meta persuna li tħobb tkun maġenbek.

Il-kanzunetta ġiet produċuta mill-band flimkien fl-istudjo ta ‘Peter – Railway Studios.