Ilbieraħ waqt is-sitt ġurnata tal-Kampjonat Dinji tas-Snooker li qed isiru f’Golem, l- Albanija, wara li ntemmu l-logħbiet tal-gruppi, filgħaxija, bdiet il-fażi tan-Knock Out fejn sfortunatament Alex Borg ġie eliminat.
Wara li kienu magħrufa s-86 player li kkwalifikaw mill-ewwel round intlagħabu 22 partita bħala round preliminari biex min jirbaħ jikkwalifika mal-aħħar 64.
Alex Borg tela’ kontra Nattanapong Chaikul tat-Tajlandja iżda tilef 4-0. Iż-żgħażugħ Tajlandiż ta’ 18-il sena li fl-ewwel ġurnata, is-Sibt li għadda kien tilef kontra ċ-champion Malti, Aaron Busuttil, kien f’vena mill-aqwa u ftit ta ċans lil Borg.
F’din il-fażi sas-semi finali l-logħob kollu ser jintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames u Chaikul rebaħ bil-punteggi ta’ 50-81; 18-65; 0-75; 25-96 fejn wettaq breaks ta’ 50 punt u 60 punt fl-ewwel u r-raba’ frame rispettivament.
Dalgħodu Aaron Busuttil fir-round tal-aħħar 64 ser jiltaqa’ kontra l-Ingliż Gary Milne u min jikkwalifika jerġa jilgħab illejla fir-round tal-aħħar 32.
//= $special ?>