L-eks President Amerikan Donald Trump rebaħ il-caucus ta’ Nevada għall-kandidati Repubblikani – bil-kuntestant l-ieħor, Ryan Brinkley, ma joffri l-ebda sfida denja. Intant, Nikki Haley, li hi l-unika sfidanta serja għal Trump, għażlet li ma tikkuntestax dan il-caucus – b’kollox qed jindika li Trump, mill-ġdid, għandu jisfida għat-Tmexxija tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Repubblikan.
L-aħħar żviluppi jfissru li l-eks President Amerikan għandu l-appoġġ tas-26 delegati kollha ta’ Nevada, skont is-sistema li jużaw il-partiti politiċi prinċipali biex jiddeteriminaw il-kandidati rispettivi għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Donald Trump, waqt diskors tar-rebħa f’Las Vegas, esprima fiduċja kbira li. f’Novembru, jirnexxilu jegħleb l-isfida tal-President Amerikan attwali Joe Biden, bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku.
Trump, sallum, rebaħ tlett sfidi prinċipali fost ir-Repubblikani fl-Istati ta’ Iowa, New Hampshire u issa Nevada, biex kompla jikkonsolida l-pożizzjoni bħala favorit assolut għan-nomina tal-partit.
Hu minnu wkoll li Trump rebaħ caucus fil-US Virgin Islands – territorju mhux amministrat fuq livell muniċipali iżda li hu taħt l-kontroll legali tal-Istati Uniti.
//= $special ?>