Lokali Qorti

Tliet Sirjani oħra mixlija b’rabta ma’ ġlieda fil-Ħamrun ukoll jinżammu arrestati

Tliet Sirjani oħra tressqu l-Qorti b’rabta ma’ ġlieda li seħħet fil-Ħamrun nhar it-Tlieta wara nofs inhar għall-ħabta tas-1pm. u nżammu arrestati wara li kienet miċħuda t-talba għall-pleġġ minn naħa tad-difiża. Il-ġlieda seħħet fuq flus li kellhom jieħdu xi Sirjani mingħand l-istess Sirjani li kienu nvoluti fil-ġlieda. Żewġ Sirjani oħra li tressqu l-Ħamis li għadda, wkoll inżammu arrestati.

Ibrahim Flej ta’ 33 sena, Ismael Rajih ta’ 32 sena u Ali Flieg ta’ 23 sena wieġbu mhux ħatja quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt. Huma ġew mixlija li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq is-Sirjan Saoud Mahmoud li diġà tressaq il-Qorti u li xewxu ġemgħa ta’ nies, li hekk imxewxa nġabru f’numru ta’ 10 jew aktar sabiex jagħmlu reat.

Ġew mixlija wkoll li ħadu parti attiva f’ġemgħa ta’ 10 minn nies jew aktar, bil-ħsieb li jagħmlu reat li fil-fatt sar, li qalu kliem oxxen fil-pubbliku u għamlu ġesti oxxeni u li kisru l-paċi pubblika. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa li ressqet lill-irġiel qalet li l-Pulizija li kienu l-Għassa tal-Ħamrun semgħu ħafna għajjat u bosta nies sejrin l-istess direzzjoni ftit il-bogħod mill-Għassa,

X’ħin marru, raw kommossjoni sħiħa fejn kien hemm ġlied kbir. Kienu erba’ li nżammu mill-pulizija u tnejn inżammu arrestati u tnejn rilaxxati għax dawn ittieħdu il-poliklinika għax qalgħu xi daqqiet. Kienu nġabru xi filmati fejn seħħet il-ġlieda, fejn irriżulta li l-akkużati niżlu minn vann u bdew iduru mal-vann tagħhom stess, u dan ftit il-bogħod minn fejn seħħet il-ġlieda.

Il-Pulizija marru fejn seħħet propjament il-ġlieda, li ma nqabditx kollha fuq is-CCTV, imma hawn deher Ibrahim joġroġ injama u mar fil-post. Din kienet l-istess injama li elevaw il-Pulizija, li ntużat fil-ġlieda. Għaldaqtant kien ordnat li żewġ Sirjani jiġu arrestati fuq dak li deher il-filmat.

Ftit wara ġew interrogati, bl-Ispettur tgħid li ż-żewġ Sirjani l-oħra tressqu l-Ħamis li għadda. Wara saret talba għall-pleġġ bil-Qorti tgħid li l-piena massima għal dan ir-reat hi dik ta’ sentejn priġunerija. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Frank Tabone qalet li l-biża tal-ħarba u l-fatt li mhumiex Maltin mhijex fattur li l-akkużati ma jingħatawx il-pleġġ. Dan anke ikkonfermatu l-Qorti Kriminali f’digrieti li tagħat. L-Avukat qal ukoll li l-vittma Saoud Mahoud, jinsab il-ħabs, u li flimkien mas-Sirjan l-ieħor li diġa tressaq kienu akkużati li ħebbew għall-Pulizija.

Tenna li għax it-tnejn li diġa tressqu nżammu arrestati ma jfissirx li dawn ma jingħatawx. Dr. Tabone qal ukoll t-tliet akkużat ilhom Malta bejn ħamsa u seba’ snin u għalhekk għanhom affiljazzjoni mal-pajjiż. L-Ispettur Zerafa irribattiet billi qalet li hemm vittmi li jridu jixhdu u hemm oħrajn li għad iridu jixhdu u n-natura tal-akkużi huma dawk li huma fejn  ikkawżaw ġrieħi fuq persuna.

Qalet li ġlieda inqalgħet fuq flus li kellhom jieħdu u hawn ukoll ingħaqdet ġemgħa ta’ aktar minn 10 minn nies. Tenniet li Mahmoud kellu xi ġrieħi f’rasu.  L-Avukat Matthew Xuereb li kien parte civile fil-każ qal li hawn jinkwadraw xhieda importanti, bħal partners tal-imputati u tal-vittmi.

Dr. Frank Tabone qal li l-Qorti għandha tieħu nkonsiderazzjoni li tnejn mill-akkużati ngħataw il-police bail. Il-Qorti qalet li kienet qed tiċħad it-talba tad-difiża minhabba li hemm persuni li għad iridu jixhdu, Il-Qorti qalet li qed tirrakomanda biex ix-xhieda jittellgħu malajr kemm jista’ jkun.

Nhar il-Ħamis tressqu Saoud Mahmud ta’ 41 sena u Naief Mahmud ta’ 37 sena mis-Sirja wieġbu mhux ħatja li mingħajr il-ħsieb li joqtlu u li jqiegħdu il-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar kkaġunaw griehi ħfief fuq surġent tal-pulizija u persuni oħra fi ġlieda li seħħet fil-Ħamrun nhar it-Tlieta.

Diversi uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija kellhom jintervjenu biex irażżnu grupp imdaqqas ta’ persuni li ġew fl-idejn fi Triq Patri Magri, f’argument li fih intużaw ukoll biċċiet tal-injam. Huma gew akkużati wkoll li heddu u li ma segwewx l-ordnijiet leġittimi tal-awtoritajiet.