Lokali Qorti

Tliet snin u nofs ħabs wara li qabbad vann f’Ħal-Qormi

Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti l-Gżira ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs wara li ammetta li tliet snin ilu, flimkien ma’ persuni oħra f’ Ħal-Qormi ta n-nar vann li kien ipparkjat. Nurton Borg li għandu problema ta’ droga nstab ħati li qered għal kollox il-vann bil-vittma jgħid li dan kien xtrah u irranġah u ġie jiswieh €8,000. Id-dokumenti, u l-irċevuti relattivi kienu kollha fil-van, u kollox inqered konsegwenza tan-nirien.

Borg dejjem ikkontenda li ma kienx jaf lill-vittma u li għamel dak li għamel għax kien tqabbad minn ħaddieħor. Dan kien vann li sidu kien jaħdem bih għax-xogħol tiegħu ta’ dulċier, u ovvjament id-distruzzjoni tiegħu ikkaġunatlu inkonvenjent kbir anke fix-xogħol tiegħu.

Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia semgħet li fit-22 ta’ Jannar 2021, għall-habta 7.30pm., il-Pulizija tad-distrett ta’ Ħal-Qormi rċievew rapport li kien hemm ħruq ta’ vettura ġewwa Triq Tumas Fenech Hal-Qormi. Il-vettura in kwistjoni kien vann tal-għamla Ford Transit.

Din il-vettura inħarqet kważi kollha kemm hi. Konsegwenza ta’ dan in-nar ġarrbu ħsara wkoll iż-żewg residenzi li ħdejhom kien ipparkjat il-van. Mill-filmati tac-CCTV miġbura mill-akwati ta’ fejn seħħ dan il-ħruq, dehret vettura tal-għamla Toyota nieżla fid-direzzjoni fejn sar il-ħruq, u li fiha kien hemm żewġ persuni.

Il-passiġġier fil-vettura nizel u beda miexi fuq il-bankina lejn il-vann Ford Transit fuq in-naħa tax-xellug tiegħu. Huwa kien liebes ‘hoodie’, u maskla tal-Covid. F’idu kellu basket tal-plastik, li kien jikkontjeni fliexken tal-plastik.

Kif resaq lejn il-vann, dehret fjamma kbira li qabdet il-vann. Il-passiġġier telaq jigri, u reġa’ rikeb fil-karozza Toyota. Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija irriżulta li l-karozza Toyota kienet reġistrata fuq ċertu Kevin Micallef, pero kienet qed tigi misjuqa minn Luca Corrito.

Dawn iż-zewġ persuni ġew arrestati mill-Pulizija. Minn iktar investigazzjonijiet irriżulta li l-passiġier li kien fil-vettura Toyota u li qabbad il-vettura Ford Transit kien l-imputat. L-imputat ġie arrestat, u waqt l-istqarrija tiegħu, ammetta li kien il-passiġġier li niżel mill-vettura Toyota u li qabbad il-vettura Ford Transit bl-użu ta’ aċċellerant.

Huwa qal li ghamel dan fuq istruzzjonijiet ta’ Luca Corrito, li kien qed isuq il-vettura Toyota. Ghaldaqstant ittieħdu l-proċeduri kriminali kontra l-imputat, kif ukoll proħeduri kriminali separati oħra kontra Luca Corrito.

Il-vann ma kienx inxurjat f’każ ta’ ħruq u kawża tan-nirien spiċċa skreppjat gimgħa wara li ngħata n-nar. Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia semgħet li l-imputat għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga, u għal din ir-raġuni, l-Qorti poġġietu taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni.

Ma kien qed jieħu bis-serjetà programm kontra d-droga

Fil-bidu tal-proċeduri, il-prospettivi kienu promettenti ħafna, peresse li l-imputat deher motivat u fis-16 ta’ Frar 2021 beda programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mal-Aġenzija Caritas. Pero kien ġie sospiż mill-programm fl-20 ta’ Mejju 2021, bil-possibilita li jibda ‘evening programme’. Dan ghaliex sabha diffiċli jadatta ruħu għall-esiġenzi tal-programm.

Fl-24 ta’ Jannar 2022, l-Uffiċjal tal-Probation informat lill-Qorti li l-imputat la kien qiegħed jattendi l-appuntamenti magħha u lanqas mal-uffiċjali tal-Caritas, u ma kienx qed jieħu bis-serjetà r-riabilitazzjoni tiegħu.

Fit-12 ta’ Mejju 2022, l-Uffiċjal tal-Probation informat lill-Qorti li Borg reġa’ deher motivat li jagħmel ‘evening programme’ mal-Caritas, u mhux interessat li jagħmel programm residenzjali, għalkemm fl-opinjoni tal-Uffiċjal tal-Probation l-imputat għandu bzonn jagħmel programm residenzjali sabiex jaħdem b’mod intensiv fuq id-diversi issues li għandu.

Fis-27 ta’ Novembru 2022, l-imputat ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati fuq ammissjoni tiegħu stess ghal diversi reati ta’ serq li ġraw f’Settembru 2022.

Fil-15 ta’ Ġunju 2023, l-Uffiċjal tal-Probation infurmat lill-Qorti li għalkemm l-imputat kien applika għal programm ta’ riabilitazzjoni, wara li l-Caritas għamlu l-assessjar tagħhom dwar il-motivazzjoni tiegħu, ġie deċiż li l-motivazzjoni tiegħu kienet waħda dubbjuża minħabba inkonsistenza u ma kienx qed iżomm mal-‘care plan’ mfassal lilu fil-ħabs.

Għaldaqstant huwa tneħħa minn fuq il-lista. Fir-rapport tagħha tal-5 ta’ Jannar 2024, l-Uffiċjal tal-Probation informat lill-Qorti li l-imputat attenda għas-sessjonijiet tal-‘drugpsycho education’ ġewwa l-ħabs, u kien qiegħed jaħdem fil-habs.

Huwa kien qed jattendi wkoll għal sessjonijiet mal-psikologa. Huwa kien skonta s-sentenza ta’ 18-il xahar prigunerija fis-27 ta’ Novembru 2022, pero għażel jibqa’ l-ħabs taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dan il-każ. Huwa rega’ esprima interess li japplika għal programm ta’ riabilitazzjoni.

Il-Maġistrat tgħid li l-imputat ipprova jroxx l-bżat fl-għajnejn il-Qorti

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Maġistrat Farrugia qalet li lanqas il-Qorti ma hija impressjonata li l-imputat huwa verament motivat li jindirizza l-problema tad-dipendenza tiegħu fuq id-droga, u wisq tibża’ li l-attentati tiegħu għal dan l-iskop kienu u huma kollha biex iroxx il-bżar f’għajnejn l-istess Qorti li huwa verament motivat ibiddel ħajtu, fl-isperanza għal mitigazzjoni fil-piena.

“Pero anke jekk din il-Qorti kellha tasal biex tagħti l-benefiċċju tad-dubbju li issa fl-aħħar l-imputat huwa verament motivat li jaqleb folja ġdida, hija moralment konvinta li l-imputat mhux kapaċi jagħmel dan, jekk dan ma jsirx waqt li hu jkun fl-ambjent konfinat tal-ħabs. Konsegwentement, l-piena idonea għall-imputat f’dan il-każ tista’ tkun biss waħda karcerarja.

Il-Qorti kkundannat lil Nurton Borg tliet snin u nofs ħabs li minnhom għandu jitnaqqas kull ħmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri biss. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna.