Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista f ’Ġunju tas-sena l-oħra, il-Partit Nazzjonalista kompla jikxef l-iskandlu fejn “RHIB’s – Rigid-Hull inflatable Boat” li ġew akkwistati ġodda għall-użu mill-awtorità ta’ Transport Malta ma kinux iċċertifikati tajba għall-baħar, liema azzjoni tal-Partit Nazzjonalista wasslet biex dawn id-dgħajjes jitwaqqfu. L-imsemmija RHIBS mhux biss ma ġewx iċċertifikati tajjeb għall-baħar imma l-anqas qatt ma ġew irreġistrati, iżda xorta waħda kienu qegħdin jintużaw sa dak iż-żmien.
Sal-lum għadu mhux magħruf x’inhu l-eżitu tal-investigazzjoni interna li talab il-Partit Nazzjonalista biex jiġi identifikat kif dawn ġew aċċettati minn Transport Malta, u x’azzjoni beħsiebu jieħu l-Gvern.
Minn dak iż-żmien ’l hawn il-Partit Nazzjonalista talab għall-kontabbilità, u kif ukoll talab li l-uffiċjali tal-Maritime Enforcement jiġu fornuti bir-riżorsi li għandhom bżonn biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Minħabba li dawn twaqqfu, illum pajjiżna qiegħed fi stat fejn l-awtorità Transport Malta mhix qiegħda tissorvelja l-ibħra Maltin. Din is-sezzjoni fi ħdan Transport Malta għadha mingħajr ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu xogħolhom u wassal biex hemm 18- il ħaddiem li qiegħed jistenna r-riżorsi biex jagħmel xogħolu. Dan ifisser ukoll li bħalissa mhux qed isir ebda infurzar fuq l-ibħra Maltin u jwassal għal nuqqas ta’ sigurtà fl-istess ibħra tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li tiġi ppublikata informazzjoni dwar jekk waqt l-investigazzjoni interna nkixfux aktar skandli. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk irriżultawx skandli relatati mal-kontravenzjonijiet li ma jitħallsux, jew damu biex jiġu pproċessati b’intensjoni, u jekk ukoll kienx hemm abbuż fil-fjuwil fl-istess taqsima. Il-Partit Nazzjonalista wkoll qed jitlob jekk dawk li qed jiġu investigati għadhomx f’kuntatt li jistgħu jinfluwenzaw ix-xhieda u/jew għandhomx aċċess għall-evidenza. Dan kollu jista’ jkollu effett fuq l-eżitu tal-investigazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jitlob li tingħad il-verità u toħroġ il-verità sħiħa, il-pubbliku għandu dritt ikun jaf li t-taxxi tiegħu qed jintużaw b’ mod responsabbli. Wara dak li rriżulta mir-rapport dwar il-Kontijiet Pubbliċi maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika għas-sena 2022, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dan il-każ għandu jiġi investigat mill-Pulizija b’mod immedjat mingħajr aktar dewmien.
Aktar u aktar, meta f’din is-sezzjoni fi Transport Malta, il-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh l-evidenza illi bis-saħħa tagħha waslet biex bdiet inkjesta interna wara li sar rapport minn xi ħaddiema ta’ Transport Malta li kienu jaħdmu bir-RHIBS li ma kinux irreġistrati skont il-liġi. Din l-istess evidenza msemmija tinsab f’idejn il-Pulizija – iżda sal-lum għadu ma ttieħed l-ebda pass. Din l-informazzjoni li għandu fil-pussess tiegħu l-Partit Nazzjonalista tikxef kif dawn il-ħaddiema ntalbu jigdbu taħt ġurament, u saħansitra ntalbu wkoll jirranġaw xi ċitazzjonijiet.
Il-pajjiż huwa mifni skandli li pajjiżna jibqa’ jkollu ta’ kuljum. Wara 6 xhur il-Gvern baqa’ ma għamel xejn sabiex jassigura s-sigurtà fuq il-baħar tagħna. Qiegħed ikompli jkaxkar saqajh fuq skandlu ieħor, biex jipprova jsalva wiċċu.
Dan huwa każ ieħor fejn dawk tal-qalba tal-Gvern Laburista qed ikomplu jitħanżru. Fejn dawk ta’ ġewwa jkomplu jiffangaw, u l-poplu iħallas għaliha.
Dan intqal fi stqarrija minn Ivan Castillo x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi u Mark Anthony Sammut ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà.
//= $special ?>