Rowen Camilleri
Wara l-impenji tal-aħħar 16 mill-IZIBET FA Trophy f’nofs il-ġimgħa, l-attenzjoni terġa’ ddur fuq il-Kampjonat BOV Premier bil-logħob mis-16-il ġurnata jibda llum bil-konfront bejn Valletta u Birkirkara. Fost il-partiti minn tmiem il-ġimgħa, minbarra dan il-konfront li fil-passat kien ikun wieħed missielet, jispikka l-konfront ta’ għada bejn Hibernians u Floriana, konfront li bla dubju se jkunu qed isegwu b’attenzjoni l-leaders Ħamrun kif ukoll it-tim li jinsab eżatt taħt il-Greens Sliema Wanderers.
Valletta vs Birkirkara | Illum, fis-7pm fl-Istadium Nazzjonali
Wara l-eliminazzjoni mill-IZIBET FA Trophy kontra Mosta, issa jibdew serje ta’ partiti diffiċli għal Valletta bl-ewwel waħda tkun dik tal-lejla kontra Birkirkara li tiftaħ is-16-il ġurnata tal-kampjonat. Wara żewġ rebħiet u draw fl-aħħar tliet ħarġiet fil-kamponat, il-Beltin iridu jinsew malajr il-logħba tat-Trophy kontra Mosta u jibnu fuq il-prestazzjonijiet li kellhom fl-aħħar ġimgħat sabiex jipprovaw jieħdu punti massimi f’din il-partita, kontra tim li din is-sena qed jiddiżappunta u fil-kampjonat ilu tliet logħbiet bla ma jirbaħ. Birkirkara fl-aħħar jiem ħatru lill-kowċ Jose Borg sabiex jieħu f’idu t-tim hekk kif, skond l-istqarrija tagħhom, Brian Chetcuti ma kellux il-liċenzji neċessarji biex jibqa’ fit-tmexxija. L-Istripes għandhom 21 punt daqs Naxxar u b’rebħa għandhom il-possibiltà li jitilgħu fil-ħames post jekk Floriana jirbħu lil Hibernians. Min-naħa l-oħra Valletta m’għandniex xi ngħidu li għandhom bżonn jirbħu hekk kif huma jinsabu fid-disa’ post bi 18-il punt, 3 biss fuq Gżira United li jinsabu fiż-żona relegazzjoni. F’nofs il-ground Birkirkara se jkollhom nieqes lil Simon Zibo li jinsab sospiż. Fl-ewwel round, Federico Falcone salva punt għal Valletta fil-91 minuta.
Hibernians vs Floriana | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Wara mument pożittiv li ra lil Hibernians jiksbu żewġ rebħiet konsekuttivi li tellawhom fil-ħames post, daqxejn ta’ daqqa ta’ ħarta għal moral tat-tim immexxi minn Branko Nisevic li l-Erbgħa sfaw eliminati mill-IZIBET FA Trophy minn Gżira United. Bla dubju li mill-ewwel il-kowċ Serb beda jaħdem biex psikoloġikament l-iskwdara tinsa din l-eleiminazzjoni u terġa’ tibda tikkonċentra fuq il-konfront iebes ta’ għada kontra Floriana hekk kif Hibernians jinsabu biss punt taħt it-tim fir-raba’ post Marsaxlokk. L-avversarji Flioriana wkoll ġejjin minn żewġ rebħiet fil-kampjonat kif ukoll rebħa kbira ta’ 7-1 fl-FA Trophy kontra Żebbuġ Rangers u se jkunu qed jittamaw li jirrepetu dak li għamlu fl-ewwel round kontra t-tim minn Raħal Ġdid meta kienu għelbuhom 2-0 b’doppjetta tal-aqwa skorer tagħhom Kemar Reid. Wieħed issa jrid jara kemm Foriana ssaħħu bl-akkwisti li għamlu f’Jannar bl-aħħar wieħed, il-Grieg Christos Rovas niżżel ismu fost l-iskorers fir-rebħa kbira kontra Żebbuġ.
Balzan vs Santa Lucia | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Balzan ukoll kellhom disfattta f’nofs il-ġimgħa hekk kif huma kienu eliminati minn Sliema Wanderers mit-trophy wara l-ħin barrani. Dan ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri li issa ilu tliet logħbiet bla rebħa fil-kampjonat u jinsab fit-tmien post b’19-il punt, 4 biss bogħod miż-żona relegazzjoni. Din il-logħba hija waħda importanti għal Balzan li bla dubju ma jistgħux jitilfu u saħansitra għandhom bżonn minnha punti massimi sabiex iżommu ‘l bogħod miż-żona l-ħamra. Kalendarju diffiċli issa wara dan il-konfront għalihom hekk kif fi żmien xahar huma jridu jaffaċjaw lil Naxxar, Birkirkara, Hibernians u Floriana rispettivament. Mill-banda l-oħra, Santa Lucia kienu involuti fl-akbar diżappunt s’issa fl-FA Trophy hekk kif l-Erbgħa huma kienu eliminati mit-tim mill-Amateur League Mġarr United wara l-għoti tal-penalties. Madankollu żgur li l-FA Trophy mhix it-tragward tas-Saints li quddiemhom għandhom sfida ħafna aktar importanti, dik li jsalvaw posthom mal-kbar tal-futbol Malti. Santa Lucia f’ċertu partiti riċentament urew lil kulħadd li fil-ġurnata jistgħu jirbħu l-punti b’rebħiet fuq Gżira u Birkirkara qabel ma sofrew żewġ telfiet konsekuttivi kontra Hibernians u Floriana rispettivament. Gowl ta’ Aleksandar Katanic ta rebħa ta’ 1-0 lil Balzan kontra Santa Lucia fl-ewwel round.
Naxxar Lions vs Gżira United | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Minkejja prestazzjonijiet tajbin, wieħed mit-timijiet li ssorprendew fil-kampjonat Naxxar Lions, issa ilhom ma jirbħu tliet logħbiet, li fihom akkwistaw biss żewġ punti biex issa jinsabu fis-sitt post b’21 punt daqs Birkirkara. Din il-ġimgħa n-Naxxarin se jaffrontaw lil Gżira United li wara draw ta’ 1-1 fil-kampjonat kontra Balzan, eliminaw lil Hibernians mill-IZIBET FA Trophy b’gowl tal-eks Thaylor Aldama. Gżira jinsabu f’wieħed mill-postijiet ta’ relegazzjoni, fil-ħdax-il post bi 15-il punt u żgur li se jkunu qed jinżlu għal xejn inqas minn tliet punti minn dan il-konfront, bit-tama li Mosta u Valletta jitilfu l-konfronti iebsin li għandhom sabiex jaqbżu lill-Mostin u jilħqu lil Valletta fid-disa’ post. Andrew Cohen se jkollu nieqes mill-iskwadra lill-veteran Marcelo Dias li jinsab sospiż. Fl-ewwel round dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Sliema Wanderers vs Mosta | Għada, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Fuq il-karta konfront li minnu Sliema huma favoriti li jieħdu tliet punti u jirritornaw għar-rebħ wara żewġ riżultati ta’ draw fil-kampjonat. Fiżikament il-plejers Slimiżi ħadu daqxejn ta’ battikata fl-FA Trophy hekk kif kellhom jilagħbu 120 minuta biex ikkonfermaw post fil-kwarti finali wara rebħa ta’ 1-0 fuq Balzan. L-iskwadra mmexxija minn Paul Zammit iżda se taffaċja tim Mosti li għalkemm qed jissielet kontra r-relegazzjoni, bħalissa l-moral mhuwiex daqsekk ħażin anke wara l-kwalifikazzjoni għal kwarti finali tat-Trophy b’rebħa fuq Valletta. Wieħed issa jrid jara x’effett se jkollha din il-kwalifikazzjoni fuq it-tim u jekk Mosta jirnexxilomx jisirqu l-punti minn dan il-konfront. Huma se jkunu mingħajr id-difensur laterali mill-Kosta tal-Avorju Willie Britto li fl-aħħar ħarġa dabbar ir-raba’ karta safra u għalhekk irid jiskonta logħba sospensjoni. Fl-ewwel round Sliema għelbu lil Mosta 3-0.
Gudja United vs Ħamrun Spartans | Il-Ħadd, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
It-tieni konfront fi żmien tliet ijiem bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn kif kien mistenni lbieraħ filgħaxija l-Ispartans għelbu lil Gudja fir-round tal-aħħar sittax tal-IZIBET FA Trophy. Fl-ewwel partita tal-Ħadd, Gudja jerġgħu jsibu quddiemhom l-għadma iebsa ta’ Ħamrun, din id-darba iżda f’konfront validu mill-Kampjonat BOV Premier, f’mument diffiċli għall-klabb li jinsab ankrat fl-aħħar post b’6 punti. Ħames telfiet infila għal Gudja ta’ Renzo-Kerr Cumbo fejn kif għedna fil-ġimgħat li għaddew aktar ma jgħaddi żmien aktar joqrob dak il-jum li Gudja jkunu matematikament relegati wara ħames staġuni fil-Premier.Għal kuntrarju, il-leaders Ħamrun ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi fejn fl-aħħar żewġ ħarġiet urew is-saħħa tagħhom b’rebħiet ta’ 7-1 u 4-1 kontra Balzan u Naxxar Lions rispettivament. Għal din il-logħba Luciano Zauri se jkollu nieqsin lil Steve Borg u lil Jonny Robert, iżda din m’għandiex tkun problema kbira hekk kif l-iskwadra hija waħda twila u bi plejers li qed ikunu fuq il-bank bħal Rutjens, Painstil, Bjelicic u oħrajn, jilgħab min jilgħab it-tim se jibqa’ b’saħħtu u tliet punti minn dan il-konfront huma probabbli ħafna. Fl-ewwel round Ħamrun l-aħqu l-aspettativa u ħarġu rebbieħa 3-0.
Sirens vs Marsaxlokk | Il-Ħadd, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-aħħar nett, il-partita li se tkun qed tgħalaq din is-16-il ġurnata hija dik bejn tim ieħor tal-qiegħ, Sirens u tim li qed jissielet għal tragward differenti, dak ta’ kwalifikazzjoni Ewropea, Marsaxlokk. Sirens qedin punt biss fuq Gudja u għalhekk bħalhom, għalkemm fadal il-logħob, salvazzjoni hija waħda iebsa anke meta wieħed iqis li t-tim minn San Pawl il-Baħar rebaħ darba biss minn 15-il logħba. Marsaxlokk għandhom bżonn rebħa minn dan il-konfront speċjalment jekk għada Floriana jegħlbu lil Hibernians, biex ikunu aktar ixxamplati fir-raba’ post b’distakk ta’ erba’ punti fuq Tal-Pagun. Marsaxlokk se jkunu mingħajr Ryan Scicluna li qed jiskonta sospensjoni ta’ partita. Fl-ewwel round ix-Xlukkajri ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
//= $special ?>