Bayer Leverkusen għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-ewwel titlu fl-istorja tagħhom meta fil-konfront dirett fil-quċċata tal-Bundesliga għelbu lil Bayern Munich 3-0.
Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa issa Bayer Leverkusen għandhom 55 punt, segwiti minn Bayern li għandhom 50 u iktar distakkati hemm Stuttgart u Borussia Dortmund li għandhom 40 punt kull wieħed.
Fil-konfront tal-ġimgħa Bayern, rebbieħa 33 darba tat-titlu Ġermaniż, ħdax minnhom b’mod konsekuttiv fl-aħħar 11-il sena, dehru f’diffikultà u ma kinitx sorpriża li Stanisic, player ta’ Bayern misluf għand Leverkusen, għeleb lil Neuer fit-18-il minuta.
Ħames minuti fit-tieni taqsima Bayer Leverkusen skorjaw it-tieni goal permezz ta’ Grimaldo u fil-95 minuta Leverkusen għamlu r-rebħa iktar komda bit-tielet goal ta’ Frimpong.
Fi tmiem il-logħba kien hemm ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji ta’ Bayer Leverkusen li ferħu għal dan is-suċċess li jressaq lit-tim ta’ Alonso iktar qrib l-ewwel titlu tal-Bundesliga fl-istorja tal-klabb.
//= $special ?>