Ix-xirja mhix torhos. Ħafna prezzijiet qed ikomplu jogħlew. Dan huwa s-sentimenti li qasmu magħna numru ta’ persuni li is-Sibt filgħodu kienu qed jagħmlu ix-xirja tagħhom – disat’ijiem biss wara li bdiet is-suppost skema ta’ roħs li kien ħabbar Robert Abela b’tant popa.
Tul il-jum, iltqajna ma numru ta’ persuni li kienu għadhom kif ħarġu minn ħwienet jew supermarkets; b’ħafna jirrimarkaw li ma rawx differenza fil-kont tagħhom, filwaqt li nies oħra nnutaw in-nuqqas ta’ prodotti f’din l-iskema hekk kif fil-lista m’hemmx affarijiet bażiċi li jinxtraw ta’ kuljum; u hemm biss għażla limitata ta’ ikel sustanzjuż – tant li anke il-frott u l-ħaxix frisk ġie eskluż.
Iżda kif qed taffetwa din l-iskema? Kemm ġabet bidla fil-ħajja tan-nies?
Dawn il-kummenti jaslu wara baraxx ta’ krittika li kien hemm fl-aħħar ħmistax għal din l-inizjattiva – skema, li fi kliem in-nies stess mhi xejn għajr manuvra oħra ta’ propaganda. U bl-ebda mod mhi tindirizza realment l-effetti tal-għoli tal-ħajja.
Ħafna fakkru wkoll kif fl-iskema, il-Gvern ħalla barra l-ħobż u l-ħalib frisk, bajd, dqiq, butir, ġobnijiet u prieżet – dawn kollha ġew esklużi mil-lista. Dan ifisser li l-affarijiet bażici li jintużaw kuljum anke sempliċiment biex tagħmel biċċa ħobż, ma kinux inklużi f’din il-lista li fassal il-Gvern.
Imbgħad, hemm prodotti oħra li baqgħu bl-istess prezz: iż-żejt taż-żebbuġa, iz-zalzett, ċ-chicken breast u ċ-ċerejali. Kif ukoll ir-ross u l-bottijiet tal-preserved, toiletries u prodotti għall-kura personali – dawn, kollha ma raħsux.