Lokali

Il-klikka ta’ Muscat tibqa’ tiddetta l-aġenda tal-Labour

Il-Prim Ministru Robert Abela ikkonferma li dalwaqt se tittieħed deċiżjoni dwar Rosianne Cutajar. Dan qalu hu stess lill-ġurnalisti wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari illi fiha, fost l-oħrajn, iddiskutew ir-ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Labour.

Sorsi qalulna illi waqt il-laqgħa tal-Ħamis, is-sentiment kien wieħed inkwetanti: kulħadd baxxa rasu, għax kollox jgħaddi. Ħadd ma ħass li kellu jilmenta, għaliex fil-verità mhuwiex Robert Abela li qed imexxi – iżda l-klikka ta’ Joseph Muscat.

Rosianne Cutajar kienet irriżenjat mil-Labour hi stess is-sena li għaddiet, minħabba li Abela lanqas kellu saħħa ikeċċiha. Dak iż-żmien, il-kontroversja l-kbira kienet dwar il-famużi chats li kellha ma’ sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech…illi qed jaffaċja akkużi serji fil-Qorti marbuta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruna Galizia.

Imbgħad, f’Novembru, Cutajar kienet spiċċat mill-ġdid fid-diskussjoni pubblika minħabba li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddeskriva l-impjieg tagħha mal-ITS bħala wieħed fażull; imħallas mit-taxxi tal-poplu.

Miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kien hemm uħud illi spjegaw ma’ Net News li lanqas biss jagħmel sens li wieħed joġġezzjona għal Rosianne Cutajar. Għaliex effettivament, jekk il-Labour qed jerġa’ jagħti l-ispazju kollu lil Joseph Muscat, kif tista’ twaqqaf lil Cutajar? Meta l-akkużi fuq l-eks Prim Ministru huma ferm aktar gravi.

Net News jinsab infurmat illi anke isem Muscat tqajjem ripetutament fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari. L-istess kif issemmew Justyne Caruana u Chris Cardona.