Wara li lbieraħ il-Partit Nazzjonalista żvela skandlu ieħor fi Transport Malta, fejn impjegati kienu mġegħla jigdbu taħt ġurament dwar ċitazzjonijiet relatati ma’ infurzar fuq il-baħar, għadna bla reazzjoni uffiċjali mill-Gvern. Iżda rapporti fil-ġurnali żvelaw, u informazzjoni li waslet għand il-Partit Nazzjonalista tikxef, li wara l-istqarrija tkeċċa s-CEO.
Dan ma jsolvi xejn għax il-verità kollha għadha trid toħroġ. Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Pulizija tagħmel xogħolha u tibda minnufih l-investigazzjonijiet tagħha mingħajr dewmien.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Ivan Castillo, Darren Carabott u Mark Anthony Sammut.
Fl-istqarrija ntqal li persuni li qed ikunu investigati għad għandhom aċċess għall-investigazzjoni interna, li donnha ma tispiċċa qatt, u l-Partit Nazzjonalista hu infurmat ukoll li persuni fuq il-Bord tal-Investigazzjoni qed ikollhom kuntatt dirett mal-istess persuni li qed ikunu investigati.
Il-Partit Nazzjonalista hu determinat li jara li jinkixef l-iskandlu tal-kontravenzjonijiet, l-iskandlu tar-RHIBS u possibbilment numru ta’ rackets oħrajn fi ħdan l-Awtorità.
Il-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf li l-fondi pubbliċi tiegħu jintużaw b’mod korrett u li l-awtoritajiet f’pajjiżna qed jaħdmu mhux jaħdmuna.
//= $special ?>