Fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu ordna sabiex ikunu evakwati ċ-ċivili minn Rafah kif ukoll li jwaqqfu darba għal dejjem lil grupp Hamas.
Fi stqarrija uffiċjali ntqal li huwa evidenti li għandha ssir din l-operazzjoni sabiex ma jinqatlux ċivili. Dan apparti li jekk il-Forza tad-Difiża tal-Iżrael tattakka lil Hamas biċ-ċivili preżenti f’Rafah kapaċi jkun wieħed mill-aktar attakki vjolenti mill-bidu ta’ din il-gwerra li issa ilha għaddejja aktar minn 4 xhur.
Għaldaqstant jidher li Iżrael wettqet attakk fin-naħa t’isfel tal-Libanu b’rapporti qalu li dawn l-attakki kienu mmirati lejn il-Hezbollah. Kien għalhekk li filgħodu fil-Libanu qamu għall-ħsejjes tas-sireni b’indikazzjoni li l-attakk kien imminenti.
Il-Forzi tad-Difiża tal-Iżrael qalet li fl-attakki ntlaqat kamp militari tal-Hezbollah u qalet ukoll li fil-jum ta’ qabel wettqet attakk f’kamp militari ieħor.
Iżda fi żviluppi oħra jidher li f’attakk partikolari ma ntlaħqitx il-mira dan filwaqt li dan l-attakk ħalla tlett persuni mejta. S’issa l-Iżrael għadha ma pprovdiet l-ebda dettalji dwar dan l-attakk għajr li kienet responsabbli għalih.
B’reazzjoni għal dawn l-attakki waqt żjara li qed jagħmel f’Beirut il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran qal li l-gwerra mhix soluzzjoni dan filwaqt li ddikjara li se jibqa’ jagħti appoġġ sħiħ lil Hezbollah.
Barra minn hekk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran wissa lill-Prim Ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu li jekk se jespandi l-gwerra lejn il-Libanu se tkun l-aħħar ġurnata tiegħu bħala Prim Ministru.
Intant, rapport uffiċjali mill-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Hamas qal li mill-bidu ta’ din il-gwerra inqatlu ‘il fuq minn 28,000 Palestinjan dan filwaqt li kważi 68,000 persuna ġarrbu l-ġrieħi.
//= $special ?>