Lokali

AĠĠORNATA: Jittella’ katavru ta’ raġel mill-baħar f’Birżebbuġa

Is-Sibt filgħodu ttella’ katavru ta’ raġel li ntlemaħ fil-baħar f’Birżebbuġa.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li daħal rapport għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu hekk kif intlemaħ katavru fil-baħar fl-inħawi ta’ Wied ix-Xaqqa, Birżebbuġa.

Il-Pulizija flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru fil-post fejn ftit tal-ħin wara l-katavru ttella’ fuq lanċa tal-Protezzjoni Ċivili fejn dan iddaħħal mal-moll fil-Bajja ta’ San Ġorġ, f’Birżebbuġa.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-ġisem huwa ta’ raġel, pero mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru bil-għan li tiġi stabbilità l-identità u l-kawża tal-mewt peress li nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonjiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.