Internazzjonali Lokali

“Neħtieġu aktar investiment b’miri ċari biex nibqgħu kompetittivi” – President Metsola

Official visit of Roberta METSOLA, EP President to Malta - Visit of a pharmaceutical company in Zejtun, Malta.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa għandha bżonn aktar investiment. “In-negozji jinvestu biss fit-tranżizzjoni ambjentali jekk ikun hemm interess kummerċjali u jkollhom inċentivi. B’miri ċari, nistgħu nibqgħu kompetittivi,” stqarret il-President Metsola.

Waqt żjara f’Teva Pharmaceuticals Malta fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel, il-President Metsola ltaqgħet mal-management u l-impjegati li jaħdmu fuq il-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi. Teva Pharmaceuticals hija l-akbar kumpanija farmaċewtika f’Malta, b’514-il impjegat.

Teva Group għandu portafoll globali ta’ madwar 3,600 prodott: fost l-akbar portafoll ta’ kwalunkwe kumpanija farmaċewtika fid-dinja. Kważi 200 miljun ruħ f’60 pajjiż jibbenefikaw minn waħda mill-mediċini ta’ Teva kuljum.

Kull minuta, madwar 2,500 prodott medicinali ta’ Teva jitqassmu madwar l-UE. Teva Europe tistma li l-mediċini ġeneriċi tagħha jiffrankaw madwar €5.4 biljun kull sena mill-baġit tal-kura tas-saħħa tal-Ewropa.

Il-President Metsola qalet li s-Suq Uniku tal-UE huwa wieħed mill-akbar kisbiet. “Għandna nibnu fuqu mingħajr ma niframmentawh. M’għandniex ningħalqu fina nfusna. L-ekonomija tagħna kibret matul is-snin preċiżament għax għamilna l-kuntrarju ta’ dan.” Żiedet tgħid li s-Suq Uniku jipprovdi opportunità għan-negozji biex jidħlu fis-swieq globali. Il-President Metsola qalet li l-ekonomiji tal-UE huma kompetittivi u jeħtieġ li jibqgħu hekk, permezz ta’ tranżizzjonijiet ambjentalj u diġitali.

Hija saħqet li l-Patt Ambjentalj Ewropew huwa dwar is-sigurtà u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa daqskemm hu dwar it-tranżizzjoni ambjentali. “Jekk ninvestu fl-għarfien, fit-teknoloġija u nrawmu l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja, se jirnexxielna niksbu vantaġġ kompetittiv.”

Id-direttur maniġerjali ta’ Teva Malta Patrick Cachia qal, “kien ta’ unur u opportunità kbira li stajna nilqgħu lil President Metsola u nuruha mill-qrib l-operat ta’ Teva Malta u d-dedikazzjoni tal-impjegati tagħna, waqt li enfasizzajna l-impenn tagħna għall-aktar innovazzjoni u effiċjenza bil-għan li jkollna saħħa aħjar għal kulħadd. B’70% tal-produzzjoni tagħna destinata għas-swieq Ewropej, Teva Malta stabbiliet ruħha bħala fornitur ewlieni ta’ mediċini ġeneriċi fl-Unjoni Ewropea.”