Lokali Qorti

Studenti jammettu li serqu eluf ta’ ewro mis-safe tal-uffiċċju tas-surmast

Tliet studenti ta’ 14-il sena kollha ammettew fil-Qorti tard il-Ġimgħa, li daħlu fl-uffiċċju tas-surmast tagħhom u serqulu eluf ta’ ewro mis-safe. Żewġ subien wieħed Pollakk u l-ieħor Taljan flimkien ma’ xbejba Ngliża, li isimhom ma jistax jixxandar għax għadhom taħt l-età ammettew li wettqu dan ir-reat bejn it-2 u l-5 ta’ Frar li għadda.

Huwa kkalkolat li l-ammont ta’ serq kien bejn €3,000 u €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll divjett fuq l-ismijiet tal-istudenti, ta’ l-iskola li jattendu fiha u tas-surmast. Ftit wara s-seduta, l-istudenti avviċinaw lis-surmast u skużaw ruħhom

L-istudenti, ammettew li wettqu serq aggravat, meta daħlu fl-uffiċċju u sgassaw is-safe biex jisirqu eluf ta’ ewro u serqu wkoll żewġ karozzi tal-logħob. Huma nqabdu mill-filmati tas-CCTV u ġew arrestati kmieni l-Ġimgħa stess.

Il-prosekuzzjoni qalet li meta ġew interrogati mill-pulizija, l-istudenti kkonfermaw dak li kien seħħ u li pprovaw ipoġġu l-affarijiet misruqa lura iżda nqabdu minn uffiċjal tas-sigurtà. L-istudenti kollha ammettew mil-ewwel għall-akkużi miġjuba kontrihom mal-Pulizija u ammettew ukoll quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt li ppreseda l-każ.

Fir-reazzjoni tiegħu l-Maġistrat qal li dan kien “żball stupidu ħafna” u appella lill-istudenti biex joqogħdu aktar attenti għall-futur tagħhom biex ma jerġgħux isibu ruħhom fil-Qorti. Il-partijiet qablu bejniethom li l-istudenti għandhom jiġu kkundannati sentenza ta’ probation meta dawn jgħaddu mill-għarbiel tal-Qorti tal-Minorenni.

L-Avukat Peter Fenech, wieħed mill-avukat li deher għall-istudenti u huwa l-president tal-Kamra tal-Avukati, għamel punt fuq każijiet bħal dawn fejn qal li l-liġi għandha tinbidel biex jiġi evitat aktar dewmien fil-proċeduri li jinvolvu l-minorenni.

Il-Qorti tagħat il-ħelsien mill-arrest lill-istudenti fuq depożitu ta’ €200 kull wieħed. L-Avukat Peter Fenech deher għall-istudenta Ingliża, Dr. Noel Bianco deher għat-Taljan filwaqt li l-Avukat Martha Brennan dehret għall-istudent Pollakk. L-Ispetturi Clayton Camilleri, Andrew Agius Bonello u Joseph Mallia mexxew il-prosekuzzjoni – bl-assistenza tal-avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.