Angelina Mango bis-silta ‘La noia’ hija r-rebbieħa tal-festival ta’ Sanremo li sar matul il-ġimgħa li għaddiet, quddiem teatru ippakkjat. Festival tant popolari ma’ diversi Maltin.
Għalhekk hi x’aktarx se tkun qed tirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest f’Malmo, fl-Isvezja.
Iż-żagħżugħa ta’ 22 sena kisbet 40.3% tal-preferenzi totali, meta wieħed iqis it-tliet ġuriji – televoting, Sala Stampa u l-ġurija tar-radju.
Din kienet rebħa minn kantanta femminili wara għaxar snin – bl-aħħar waħda tkun Arisa.
Għal Mango dan kien l-ewwel Sanremo wara s-suċċessi tal-aħħar sena, u t-tours tagħha fi klabbs li kienu kompletament sold-out.
Angelina Mango hija kantanta oħra li ħarġet mill-programmi ta’ Maria de Filippi. Fil-fatt, hi kienet ir-rebbieħa tal-kategorija tal-Kant fit-22 edizzjoni ta’ Amici … fejn kisbet ukoll il-Premju tal-Kritika u l-Premju tar-Radju waqt il-finali.
Mango ddominat is-sajf tal-2023 bil-kanzunetta ‘Ci pensiamo domani’ b’aktar minn 51 miljun stream u kienet fl-ewwel 10 tal-klassifika tal-aktar kanzunetti li ndaqqu fuq ir-radju.
Intant, l-kantant Geolier ġie fit-tieni post ta’ Sanremo bil-kanzunetta ‘I p’ me, Tu p’ te‘, filwaqt li fit-tielet post ġiet Annalisa b”Sinceramente‘.
Ghali b’’Casa mia’ u Irama b’’Tu no’ ġew fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.
Din kienet l-74 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo u l-aħħar waħda għall-preżentatur u direttur artistiku Amadeus.
//= $special ?>