Arsenal umiljaw lill-West Ham fil-London Stadium b’rebħa dominanti ta’ 6-0. Din ir-rebħa żammet lil Arsenal fit-tielet post tal-klassifika, bi52 punt, punti ndaqs ma’ Manchester City, b’dawn tal-aħħar madanakollu lagħbu partita inqas. B’Arsenal jiddominaw l-ewwel stadji tal-partita huma marru fil-vantaġġ fit-32 minuta meta minn corner ta’ Declan Rice, kien William Saliba li għola fuq kulħadd u xeħet wara Alphonso Areola.
Arsenal irdoppjaw tliet minuti wara meta Areola waqqa lil Bukayo Saka fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. L-istess Saka mill-11-il metru ma żbaljax għal 2-0. Fl-44 minuta Arsenal jagħmluhom tlieta, meta minn freekick ta’ Rice, din id-darba kien Gabriel Magalhaes li bir-ras mill-viċin tefa’ fix-xibka. Żewġ minuti Leandro Trossard poġġa’ lil Arsenal erba’ gowls fil-vantaġġ fi tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima Arsenal komplew fejn ħallew b’Bukayo Saka jiskorja il-ħames gowl fit-63 minuta u l-eks tal-partita Declan Rice, jagħmilhom 6-0 b’xutt spettakolari fil-65 minuta.
F’Villa Park, rebħa ta’ 2-1 għal Manchester United fuq Aston Villa, b’Manchester United issa jinsabu ħames punti ‘l bogħod minn Aston Villa fis-sitt post tal-klassifika. Kienu Manchester United li fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta kien Rasmus Hojlund li mill-viċin xeħet wara Emiliano Marinez għal 1-0. Aston Villa kisbu d-draw fis-67 minuta meta wara diversi tentattivi fil-lasti ta’ Andre Onana kien Douglaz Luiz li finalment xeħet fix-xibka għal 1-1. Biex fil-85 minuta kien is-sostitut Scott McTominay li minn cross ta’ Dalot, għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Martinez u ta rebħa importanti lil Erik Ten Hag.
PREMIER LEAGUE
Illum: West Ham v Arsenal 0-6, Aston Villa v Man Utd 1-2
Għada: C’Palace v Chelsea 9.00pm