Lokali

Carmen Ciantar issa titlob biex tiltaqa’ ma’ Robert Abela għal irwol ġdid mal-Gvern jew f’xi entità governattiva

Mill-ġdid għajnejn membri tal-Kabinett fuq Robert Abela biex jaraw fejn kapaċi jasal wara li ma kienx kapaċi jkun hu li jittermina l-kuntratt moqżież mogħti lil Carmen Ciantar.

Is-saga ‘Carmen Ciantar-Chris Fearne u l-kuntratt ta’ €700,000’ jidher li għadha għaddejja b’Carmen Ciantar determinata li darba kellha l-kuntratt tagħha bħala Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) itterminat, issa jinstabilha rwol ġdid jew fiċ-Ċivil jew inkella f’xi entità governattiva oħra.

Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li fil-fatt Carmen Ciantar – diżappuntata u maħsuda bid-deċiżjoni tal-Ministru tas-Saħħa Jo-Etienne Abela li jitterminalha l-irwol tagħha fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – talbet biex tiltaqa’ ma’ Robert Abela bl-iskop li dan jassiguraha li se jagħtiha xi impjieg komdu jew fiċ-Ċivil jew f’xi entità governattiva oħra.

Imkejjen qrib ħafna ta’ Carmen Ciantar – li, fost l-oħrajn, iddiżappuntat bil-kbir fil-konfront tal-Paola Hub li għadu cindirella u joke fost dawk li jafu l-affarijiet tajjeb kif qiegħed jiżvolġi dan il-proġett – tennew ma’ Il-Mument li l-mara taf affarijiet biżżejjed biex tista’ tużahom bħala arma fil-laqgħa tagħha ma’ Robert Abela.

Hu għalhekk li membri tal-Kabinett issa għandhom saga ġdida xi jsegwu bl-iskop li jaraw safejn kapaċi jiddeġeneraw l-affarijiet fis-sens kemm Robert Abela kapaċi jkompli jidħol fil-ħama biex flok jaġixxi fil-konfront ta’ Carmen Ciantar, joffrilha l-ħabel biex tagħlaq ħalqha u ssalva. Robert Abela bħal donnu li spiċċa qisu xi beżżul għaliex fil-veru sens tal-kelma ma tistax tiġih waħda tajba.

Lil hinn mill-inkwiet dwar Joseph Muscat u lil hinn mill-problemi li għandu fuq livell tal-Kabinett tal-Ministri u ma’ membri fil-Grupp Parlamentari Laburista, Robert Abela jaf li aktar mhu qiegħed jersaq ix-xahar ta’ Ġunju, l-affarijiet qegħdin ikomplu jiżviluppawlu mill-ħażin għall-agħar.

Imma bħal donnu li l-Ministru Jo-Etienne Abela hu determinat li ma jġorrx ħniżrijiet li qiegħed jiskopri li wiret migħand il-predeċessur tiegħu Chris Fearne… mhux biss fir-rigward ta’ dan il-kuntratt moqżież ta’ €700,000 mogħti b’ħafna ħabi lil Carmen Ciantar, imma anki lil hinn… inkluż ukoll – imma hawnhekk l-affarijiet għadhom fi stadju bikri wisq – il-mod xejn trasparenti li bih qegħdin jinxtraw ċerti mediċini! Diġà din il-gazzetta – preċiżament nhar it-28 ta’ Jannar li għadda – irrapportat fid-dettall kif ‘Carmen Ciantar kienet qed tfittex kenn u refuġju f’Jo-Etiene Abela’ darba dan issa nħatar bħala l-Ministru tas-Saħħa l-ġdid flok Chris Fearne li quddiemu għandu futur mill-aktar inċert.

Dakinhar sorsi infurmati kienu żvelaw ma’ Il-Mument li t-taqliba tal-Kabinett imħabbra f’Jannar xejn ma niżlet tajjeb ma’ Carmen Ciantar għaliex tali taqliba mhux biss ratha titbiegħed minn Chris Fearne li kien imexxi d-dekasteru tas-Saħħa u li taħtu kienet taqa’ l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, iżda rat itirulha wkoll mar-riħ l-isforzi kosmetiċi li għamlet fl-aħħar xhur biex tkun fil-good books tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett li taħtu kellu l-Paola Hub li sal-lum għadu ma jista’ jitlesta b’xejn u qatt! Chris Bonett issa sar Ministru responsabbli mit-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

L-għeruq ta’ dan l-inkwiet kollu ġejjin mill-fatt li l-kuntratt ta’ Carmen Ciantar bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bi dħul ta’ xejn inqas minn €700,000 issa kien wasal biex jiskadi fi ftit ġimgħat oħra biss. Fil-fatt dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ sa Mejju li ġej.

Carmen Ciantar, illum well off grazzi għal dan il-kuntratt mogħti lilha minn Chris Fearne bil-barka ta’ Robert Abela, kienet inkwetata dwar x’se jkun qiegħed jiġri minnha.

Chris Fearne se jdabbar rasu lejn Brussell. Chris Bonett probabbli li jista’ joffrilha rwol biss ma’ xi kuntrattur fit-tarmak jew il-konkrit! U wisq qed tibża’ li mid-dħul eżorbitanti li għandha se tispiċċa bi dħul ħafna inqas!

Allura issa kienet qiegħda tinvesti ħafna ħin fin-nies tal-Ministru l-ġdid Jo-Etienne Abela li hu responsabbli mis-Saħħa iżda skont sorsi infurmati fid-dekasteru tiegħu ma tantx jidher li hu ħerqan li jagħmel l-iżbalji grossolani tal-predeċessur tiegħu u jispiċċa mperreċ mal-midja kollha. Għalih dan hu inkwiet bla bżonn u fuq il-platt tiegħu diġà għandu ħafna wara li mill-predeċessur tiegħu wiret straġi sħiħa għar-rigward tal-Isptar Mater Dei.

Dan kollu sakemm il-Ħadd li għadda din il-gazzetta Il-Mument żvelat bl-aktar mod esklussiv kif kien itterminat il-kuntratt ta’ Carmen Ciantar bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS). Din il-gazzetta rrapportat kif jumejn qabel Carmen Ciantar kienet infurmata b’din id-deċiżjoni proprju ftit biss ġimgħat minn meta dan il-kuntratt kellu jiġi fit-tmiem tiegħu fi tmiem Mejju li ġej.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa pubblika u dan fuq istruzzjonijiet diretti tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iżda bl-approvazzjoni ta’ Robert Abela, Carmen Ciantar kienet qed titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju ta’ dak li kien il-Ministru tagħha.

Ma’ dawn Carmen Ciantar għandha bosta perkaċċi, fosthom bonus annwali ta’ għoxrin fil-mija li jrid ikun approvat minn Chris Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ aktar minn ħamsin sena jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.

Proprju ħmistax ilu din il-gazzetta Il-Mument żvelat l-aħħar żviluppi fis-saga ‘Carmen Ciantar’ fis-sens li din kienet qed tagħmel minn kollox biex tinvesti ħafna ħin fin-nies tal-Ministru l-ġdid Jo-Etienne Abela li issa responsabbli mis-Saħħa iżda skont sorsi infurmati fid-dekasteru tiegħu ma tantx jidher li hu ħerqan li jagħmel l-iżbalji grossolani tad-Deputat Prim Ministru.

Sadattant flok Carmen Ciantar fit-tmun tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi nħatar Mark Mallia, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Identity Malta.

Sorsi infurmati dwar din iċ-ċaqliqa fissru li issa li f’Identity Malta kienet qed tiddaħħal ċertu sistemazzjoni u ordni, dan Mark Mallia se jitneħħa biex, probabbilment, terzi li kienu l-kawża ta’ numru ta’ problemi fil-passat jerġgħu jgħollu rashom.

Sadattant dwar dan sorsi infurmati qalulna li din il-ħatra tfisser oħra lil Robert Abela minn Joseph Muscat li se jkun qiegħed jaġevola persuna li hu meqjus bħala wieħed minn tiegħu!

Flok Mark Mallia f’Identity Malta se jinħatar Steve Agius li matul l-aħħar erba’ snin kien iċ-Chief Operating Officer fl-Isptar Mater Dei.

Huwa kien ukoll il-Kap tal-programm nazzjonali tat-tilqima kontra l-COVID-19 u kien ukoll responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm ta’ tilqim.

Tajjeb li jingħad li dan Steve Agius jiġi ħu d-Deputat Parlamentari Laburista Chris Agius li b’rabta mal-aħħar taqlib fil-Kabinett tal-Ministri stenna ħafna li jkun mgħajjat minn Robert Abela biex jagħtih it-tmun ta’ xi dekasteru… iżda għal xi raġuni baqa’ b’xiber imnieħer… u Robert Abela issa sab ix-xoqqa f’moxtha biex jirrikonċilja miegħu billi jaħtar lil Steve Agius f’din il-kariga!

Għax taħt Robert Abela hekk isiru l-affarijiet!