Lokali

Detail tal-Pulizija mbagħbsa biex Surġent li nqabad jilgħab fuq magna tal-logħob waqt il-ħin tax-xogħol jeħlisha ħafif

Dan is-sit qed jiżvela abbuż serju li twettaq reċentement fil-Korp tal-Pulizija hekk kif id-detail tal-Pulizija kienet imbagħbsa, biex Surġent li nqabad jilgħab logħob illegali f’magna waqt li kien xogħol jeħlisha ħafif.

Sorsi infurmati, li għaddewlna l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-ismijiet tal-persuni fil-Korp tal-Pulizija kollha involuti, fissrulna li dan il-każ partikulari seħħ fil-5 ta’ Novembru li għadda meta Surġent li suppost li kien xogħol – preċiżament sahra – bejn is-7am u l-5pm – inqabad jilgħab fuq magna tal-gambling f’bar partikulari fil-Qrendi.

Hu nqabad ukoll fil-pussess ta’ ammont ta’ flus kontanti li huma konferma wkoll li kien qiegħed jilgħab fuq magna partikulari fil-preżenza wkoll ta’ numru ta’ rġiel li kienu fl-istess bar!

Għall-ewwel jidher li Uffiċjal partikulari ta’ dan is-Surġent bagħtu għalih u tkellmu miegħu dwar dan l-abbuż serju, fis-sens li s-Surġent mhux biss ma kienx qiegħed xogħol kif suppost li kellu jkun, imma kien

skartat meta suppost li kien saħansitra xogħol sahra. Barra minhekk inqabad waqt il-ħin tax-xogħol jilgħab fuq magna tal-logħob illegali.

Skont is-sorsi ta’ Il-Mument dan is-Surġent għamel xi ħin arrestat, iżda bil-barka ta’ dan l-Uffiċjal partikulari fl-istess Għassa tal-Pulizija, hawn hekk ġiet imbagħbsa d-detail tal-Pulizija fl-istess Għassa biex hekk dan is-Surġent ma deherx li suppost kien xogħol fil-mument meta nqabad jabbuża!

Il-persuna li tkellmet ma’ Il-Mument qaltilna li l-pulizija fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qrendi kienu xxukkjati b’dawn il-ħniżrijiet għaliex għalkemm kien hemm min ipprova jagħmel l-affarijiet minn taħt biex kollox jibqa’ mistur, il-kelma laħqet ġriet.

L-istess pulizija nħasdu meta kollox jidher li seħħ il-barka ta’ Uffiċjal partikulari li mhux magħruf jekk aġixxiex fuq deċiżjoni li ħa minn rajh, inkella aġixxiex u ppermetta dan it-tbagħbis f’din id-detail għaliex waslitlu xi ordni minn fuqu.

Għaliex tajjeb li jingħad li dan is-Surġent tal-Pulizija parikulari hu magħruf fil-Qrendi li hu kanvasser tal-Ministru Miriam Dalli, apparti mill-fatt li għandu familjari tiegħu li jmexxu l-Każin Laburisa taż-Żurrieq!

Il-Mument għandu l-informazzjoni kollha dwar dan il-każ serju u nistennew issa li l-Kummissarju tal-Pulizija jaġixxi b’mod immedjat fil-konfront ta’ dawn il-ħniżrijiet, sia ta’ min skarta u nqabad jilgħab logħob illegali waqt il-ħin tax-xogħol, imma anki għal min bagħbas fid-detail. Dan kollu hu serq sfaċċat li m’għandux ikun permess.