Internazzjonali

Gaza: Tħassib dwar l-eluf kbar tar-refuġjati, b’Iżrael iħejji għall-offensiva fuq Rafah

 

Il-Gvern u l-qawwiet militari ta’ Iżrael qed jiffaċċjaw pressjoni akbar fuq livell internazzjonali, fi żmien meta l-Ġenerali Iżraeljani qegħdin jippjanaw offensiva oħra ġdida — din id-darba fuq il-bejtiet tat-terroristi tal-Ħamas fil-belt ta’ Rafah, fin-Nofsinar ta’ Gaza.

Dan meta l-eluf tar-refuġjati li qed jippakkjaw Rafah jinsabu f’periklu kbir minn mewġa oħra ta’ azzjonijiet militari min-naħa tal-Iżraeljani. Fil-fatt, dawn ir-refuġjati mgħandhom imkien aktar fejn jaħarbu u l-komunità internazzjonali qed tinkwieta ħafna dwar il-potenzjal ta’ katastrofi uman ieħor fuq livell storiku.

Fil-preżent, nofs il-popolazzjoni ċivili ta’ Gaza qed issib xi forom ta’ kenn f’Rafah u l-Gvernijiet tar-Renju Unit u l-Olanda kienu fost l-ewwel li, fl-aħħar sigħat, esprimew preokkupazzjoni kbira dwar dak li jista’ iseħħ f’din il-belt matul il-ġranet li ġejjin.

Min-naħa tagħha, l-Arabja Sawdija wissiet dwar ‘riperkussjonijiet mill-aktar serji’ f’każ li l-Iżraeljani jibdew kampanja militari ġdida kontra Rafah – bil-Kapijiet tal-Ħamas itennu li offensiva ta’ dan it-tip kapaċi tħalli l-għexieren tal-eluf tal-vittmi.

Iżrael ilu għaddej bil-gwerra kontra l-Ħamas mindu t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru, invadew l-artijiet tal-Iżraeljani minn Gaza fejn qatlu ‘il fuq minn 1,200 persuna, fil-parti kbira ċivili,fost il-ħtif tal-mijiet tal-ostaġġi.

Sadanittant, mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn, mietu ‘il fuq minn 29,000 Palestinjan – ċivili u terroristi – f’Gaza, bl-ammont tal-midruba qed javviċina t-68,000.

Mill-bidu tal-offensiva ‘il hawn, il-parti kbira tar-refuġjati f’Rafah kienu sfurzati, almenu darba, biex jitilqu minn postijiet sikuri.

U l-kriżi umana mistennija tikber wara li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ordna lill-militar tiegħu biex jipprepara għall-evakwazzjoni taċ-ċivili minn Rafah, qabel ‘l-azzjonijiet militari estiżi’ kontra l-Ħamas.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan qal ukoll li l-pajjiż ma jistax jilħaq it-tragwardi mingħajr ma jelimina lill-Ħamas u t-theddida kontinwa tat-terroriżmu. Ingħad li f’Rafah hemm talanqas erba’ battaljuni tal-Ħamas u li dawn, ‘żgur ma jistgħux ikunu injorati’.

Mifhum li f’Rafah hemm mal-1.5 miljun Palestinjan li qegħdin ifittxu r-refuġju mill-kumbattimenti tal-Iżraeljani mal-Ħamas fi bnadi oħra tal-Medda ta’ Gaza. Il-maġġoranza ta’ dawn ir-refuġjati qegħdin jgħixu fit-tined u meta kollox jindika li l-gwerra qed tavviċinahom  minn jum għal jum.