Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-kandidatura ta’ Claudette Abela Baldacchino: Daqqa oħra għat-tamiet ta’ Steve Ellul u d-daqqa fatali għal Cyrus Engerer

Sadattant Robert Abela jibqa’ jegħreq bil-mażżra ma’ riġlejh u Joseph Muscat jibqa’ ma jħabbarx id-deċiżjoni finali jekk hux se jikkontesta jew le.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Partit Laburista, fi stqarrija uffiċjali, ħabbar li l-Eżekuttiv tal-Partit kien approva l-kandidatura ta’ żewġ persuni oħra – Claudette Abela Baldacchino u Jesmond Marshall – għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Ġunju li ġej biex b’hekk, sa issa, it-total ta’ kandidati approvati f’isem il-Partit Laburista hu ta’ disa’ persuni.

Nieqes mill-istqarrija tal-Ħamis li għadda tal-Partit Laburista hemm isem Thomas Bajada, iż-żagħżugħ Għawdxi li ngħad li jista’ jkun il-kandidat Laburista Għawdxi għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej wara li l-Eks Ministru Justyne Caruana beżqet fis-sunnara ta’ Robert Abela u qaltlu “daqshekk” jużaha u jarmiha.

Naturalment din il-lista għadha waħda proviżorja u ma tinkludix, pereżempju, l-isem ta’ Joseph Muscat li għadu jżomm lil Robert Abela mdendel u priġunier dwar x’se jkun qiegħed jagħmel b’rabta mal-possibbli kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.

Li nafu sa issa hu biss li Manuel Cuschieri dawwar ir-rota biex Joseph Muscat ‘jitħajjar’ jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju; Joseph Muscat ma kkommettiex x’se jagħmel; Robert Abela qabżitlu bl-aktar mod falz li ma kellu l-ebda diffikultà;… u sal-lum polgromm sħiħ fil-Partit Laburista.

Li hu fiċ-ċert s’issa hu li l-kandidatura ta’ Claudette Abela Baldacchino hi sempliċiment maħsuba biex tkun id-daqqa mortali għall-possibbli kandidatura ta’ Cyrus Engerer li kif irrapportajna kemm-il darba mhux fdat minn ta’ Kastlija, filwaqt li lid-delegati u lill-partitarji Laburisti twasslilhom il-messaġġ li dan mhu xejn għajr opportunist li jqabbel fejn jaqbillu u daqshekk.

Kemm-il darba l-kandidatura tal-Għawdxi Thomas Bajada tkun approvata mill-Eżekuttiv Laburista, allura Cyrus Engerer aktar u aktar jaqta’ qiesu minn xi siġġu fil-Parlament Ewropew u joqgħod joħlom biss li jieħu s-siġġu ta’ Marlene Bonnici bħala r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fejn tgawdi stima u rispett kbir.

Imma dan id-diskors kollu jgħodd b’mod dirett ukoll għall-kandidat – oriġinarjament star candidate – Steve Ellul li bil-manuvri li qegħdin isiru qiegħed jara l-possibbiltajiet tiegħu li jagħmilha għall-Parlament Ewropew ikomplu jitbiegħdu u jitbiegħdu.

Oriġinarjament Steve Ellul kien f’pożizzjoni tajba ħafna li jagħmilha, anki grazzi għall-fiduċja li kien igawdu mit-tim ta’ Robert Abela u mit-tim ta’ Miriam Dalli. Tant li taw baġit ta’ €700 miljun fuq firxa ta’ ftit snin biex jibdel id-dehra ta’ pajjiżna.

Fil-verità flus intefqu u ntefqu ħafna, iżda d-dehra ta’ pajjiżna ftit li xejn inbidlet… għajr li żdiedet it-telqa u l-ħmieġ jidher ma’ kullimkien! Issa dak ir-rwol ingħata f’idejn il-famuż Joseph Cuschieri li meta kien fit-tmun tal-Awtorità Maltija għas-Servizz Finanzjarji (MFSA) tgħidx kemm iddixxa, berbaq u gawda! Staqsu ftit lil min kien akkumpanjah f’Las Vegas…

Imma lura għal Steve Ellul… kollox jidher li minkejja l-ħafna tberbiq ta’ flus fit-tnedija tal-kampanja elettorali tiegħu ċ-ċansijiet li jagħmilha qegħdin ikomplu jgħibu. Anki għaliex it-tim ta’ Joseph Muscat qiegħed jikkonċerta l-voti tiegħu fuq Alex Saliba, Clint Azzopardi Flores, Claudette Abela Baldacchino u Daniel Attard.