Lokali

Il-Karmelitani jiddeċidu li jkomplu l-ħidma tagħhom fil-Belt, il-Fgura u Santa Venera

Il-patrijiet Karmelitani iddeċidew li se jkomplu jagħtu s-servizz tagħhom biss fi tlieta mis-sitt komunitjajiet li kien hawn f’pajjiżna wara li l-ħidma tagħhom fil-parroċċa tal-Balluta, Santa Venera u fil-Monasteru tal-Imdina se jkollha tieqaf minħabba nuqqas ta’ patrijiet.

Din id-deċiżjoni ittieħdet sabiex ikomplu jsaħħu l-preżenza tagħhom fil-parroċċa tal-Fgura, fis-santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta, kif ukoll fil-Kulleġġ ta’ San Elija flimkien mal-Knisja l-Qadima, f’Santa Venera.

Il-Karmelitani qalu li din id-deċiżjoni kellha tittieħed minħabba n-nuqqas ta’ persuni li qed jirrikoru għal din il-vokazzjoni.

Huma ser ikunu qed jaħdmu idi f’id  mal-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna sabiex fost l-oħrajn, iċ-ċentru ta’ Spiritwalità Karmelitana, fl-Imdina jibqa’ jaħdem id f’id mal-lajċi.

Il-Karmelitani spjegaw ukoll li jifhmu d-diżappunt tan-nies għal din l-aħbar li se jkollhom iwaqqfu l-ħidma tagħhom li ilha għaddejja sa mis-seklu 15 u waqt li rringrazzjaw lil dawk kollha li matul is-snin tawhom l-appoġġ spjegaw li huma qed iwaqqfu l-ħidma tagħhom f’ċertu postijiet sabiex ikunu jistgħu issaħħu l-ħidma tagħhom fil-lokalitajiet l-oħra.

L-Ordni tal-Karmelitani ilhom f’ħidma fil-paroċċi Maltin għal dawn l-aħħar 600 sena. L-ordni teżiġi li minn tal-anqas, f’kull kunvent ikun hemm tliet patrijiet, liema ammont mhux ilaħħaq mad-domanda.

Dan apparti li m’hemmx imqar persuna waħda li qed tħejji ruħha biex tingħaqqad mal-Ordni tal-Karmelitani.

Fil-bidu tas-sena l-oħra, il-Karmelitani rtiraw ukoll mill-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys li għaddiet f’idejn l-Arċidjoċesi.

Din is-sitwazzjoni mhix jesperjenzawha biss il-Karmelitani iżda wkoll ordnijiet reliġjużi oħra ta’ irġiel u nisa f’Malta li qed jesperjenzaw sfida ta’ riżorsi.