Internazzjonali

Il-Pakistan: Dubji dwar il-Gvern ġdid minkejja s-suċċess għall-alleati ta’ Imran Khan

Il-kandidati indipendenti appoġġjati mill-Partit PTI kisbu l-aħjar riżultat fl-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Frar fil-Pakistan. Il-PTI hu l-partit tal-eks Prim Ministru Pakistani Imran Khan li qed jinżamm il-ħabs u bl-aħħar analiżi turi li 93 minn fost il-101 kandidat indipendenti li rebħu s-siġġijiet fil-Parlament huma sieħba u alleati ta’ dan il-partit.

Għaldaqstant, il-kandidati indipendenti spiċċaw qabel il-Lega Musulmana (PMLN) ta’ Nawaz Sharif, eks-Prim Ministru ieħor, li rebaħ biss 75 siġġu.

Madankollu, xorta mhux ċar min se jirnexxilu jifforma l-Gvern ġdid  f’Islamabad. Dan ukoll meta l-kandidati indipendenti li baqgħu l-art qegħdin iressqu r-rikorsi lill-qorti fost akkużi dwar manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

Fl-istess ħin, il-PTI, li ma tħalliex jikkuntesta fl-elezzjoni, u l-partit ta’ Sharif, it-tnejn qed jinsistu li jridu jiffurmaw il-Gvern Pakistani li jmiss.