Lokali

Joseph Cuschieri bi dħul ta’ kważi €90,000 fis-sena bħala CEO ta’ Project Green

Dan wara li tneħħa minn uffiċjal eżekuttiv ewlieni fl-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) minħabba sensiela ta’ abbużi sfaċċati.

Għall-Gvern ta’ Robert Abela l-attitudni ta’ money no problem ma’ dawk ikkunsidrati ta’ ġewwa tkompli tispikka fil-kuntratt mogħti u ffirmat ma’ Joseph Cuschieri, l-Eks Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari (MFSA) li kien tkeċċa mill-istess Awtorità wara li nkixef b’rabta ma’ tberbieq u malprattiċi serji oħrajn.

Issa Robert Abela, kontra kull mistenni u b’sorpriża saħansitra għal ċerti membri fil-Kabinett tal-Ministri u anki għall-membri fil-Grupp Parlamentari Laburista, poġġa lil Joseph Cuschieri fit-tmun ta’ Project Green fejn oriġinarjament il-Gvern Laburista kien ivvota baġit ta’ €700 miljun fuq firxa ta’ ħames snin għas-suppost tisbieħ ta’ pajjiżna.

Issa qiegħed jirriżulta li l-kuntratt iffirmat ma’ Joseph Cuschieri jwassal biex dan, bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green idaħħal pakkett eżorbitanti ta’ xejn inqas minn €86,458… inkluż numru ta’ perkaġġi.

Joseph Cuschieri ngħatat terminu ta’ sentejn u jistipula li se jkun qiegħed idaħħal salarju bażiku ta’ €60,000 fis-sena b’allowances taxxabbli addizzjonali li allura jtellgħu s-somma għal dħul ta’ €86,458 kull sena.

Huwa intitolat ukoll għal performance bonus li potenzjalment jista’ jara d-dħul tiegħu jiżdied għal €95,458.

Fir-rigward tal-perkaġġi intitolat għalihom jissemmew allowance għall-komunikazzjoni ta’ €1,800, project allowance mhux definit ta’ €10,000, allowance tal-ispejjeż ta’ €10,000 u allowance tal-karozza ta’ €4,659.

L-ingaġġ full-time ta’ Joseph Cuschieri bħala Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green hu fuq bażi ta’ erbgħin siegħa fil-ġimgħa u daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar li għadda u mistenni jiskadi fl-2026, għalkemm il-kuntratt jagħmel referenza għal 36 xahar.

Tajjeb li nfakkru li Joseph Cuschieri nħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green, l-Aġenzija inkarigata mill-politika ewlenija tal-Gvern biex twettaq proġetti ta’ ekoloġizzazzjoni urbana, wara li x-xahar li għadda Steve Ellul kien approvat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.