Id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja.
L-ilsien Malti hu wieħed mill-ilsna/lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’dan il-fatt għandu jkun kburi kulmin tassew iħossu kburi li hu Malti jew Għawdxi.
Iżda, sfortunatament, l-ilsien Malti ħafna drabi mhux jingħata l-importanza li għandu bżjonn. Issib, diversi drabi, li saħansitra l-Gvern stess ma jużax din l-għodda sabiħa li ssawwarna bħala nazzjon. Allura jinħarġu stqarrijiet b’lingwi oħra imma mhux bil-Malti. Tal-inqas stqarrijiet bil-Malti u anki bil-lingwa Ingliża.
Naraw entitajiet tal-Gvern jew mhux neċessarjament tal-Gvern u organizzazzjonijiet mhux governattivi li joħorġu kotba, dokumenti u materjal ieħor bil-lingwa Ingliża iżda mhux bil-lingwa Maltija.
Rapporti Annwali mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra li jkunu bil-lingwa Ingliża biss u mhux bil-lingwa Maltija wkoll.
Nisimgħu bi stejjer fejn skejjel privati jgħallmu l-Malti bil-lingwa Ingliża! Nisimgħu programmi fuq it-televiżjoni jew fuq ir-radju fejn il-lingwa Maltija ma tkunx użata tajjeb. Sentenzi nofshom bil-Malti u l-kumplament bl-Ingliż. Verbi ħżiena. Taħlit bl-addoċċ tal-maskili mal-femminil! Dan kollu jeħtieġ li jkun ikkoreġut illum qabel għada għall-ġid tal-ilsien Malti.
Dwar dan kollu fil-jiem li għaddew tkellimna mad-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Delizzji u dwar it-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja.
Hu beda biex fisser li l-lingwa Maltija hija importanti għalina llum il-ġurnata u saret aktar relevanti għalina li writna dan l-ilsien nattiv tagħna mill-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna matul il-medda twila ta’ snin. L-ilsien Malti għandu jibqa’ relevanti u rridu nagħrfu l-importanza u r-relevanza tiegħu mhux biss storika, imma wkoll parteċipattiva permezz tal-kelma.
Ilsien ġensna jagħtina sens ta’ għaqda – identità – sens ta’ nazzjon. Wieħed li jiddistingwi ruħu mill-popli l-oħra barranin u Ewropej. Hemm pajjiżi kbar li lanqas għandhom il-lingwa tagħhom. Dawn jinqdew bil-lingwa Ingliża. Pajjiżi kbar imsieħba fil-Commonwealth u jkollhom jitkellmu bil-lingwa Ingliża għax m’għandhomx il-lingwa tagħhom, il-lingwa ta’ pajjiżhom, fisser Charles Azzopardi.
Jekk irridu nkomplu nipperikolaw lil dan in-nazzjon, nistgħu faċilment nagħmlu dan billi ninjoraw il-lingwa tagħna. Għaddejna minn żminijiet diffiċli ta’ ħakma waħda wara l-oħra matul l-elfejn sena ta’ storja tagħna. Sa ftit snin ilu konna għadna nifhmu li nistgħu nkunu magħqudin, b’saħħitna u sħaħ fir-rieda li kellna, permezz tad-determinazzjoni tagħna u l-kelma. Il-kelma li tatna ommna.
Il-lingwa Maltija tgħaqqadna flimkien minn Wied il-Għasri f’Għawdex sa Bengħajsa. Il-lingwa Maltija hija l-lingwa li juża l-poplu, il-lingwa li biha jaħsbu n-nies, il-lingwa li tidentifikana u tatina identità ta’ poplu li juri ruħu kburi mal-bqija tad-dinja.
Il-lingwa Maltija hija l-identità tagħna u lsienna llum huwa ferm aktar sagru; illum li Malta trid tiddistingwi ruħha fl-Unjoni Ewropea, fejn trid tiltaqa’ ma’ popli u ma’ pajjiżi kbar fid-daqs, li kienu imperi, li ikkolonizzaw, mhux kienu ikkolonizzati.
Fil-medda tas-sekli l-ġenerazzjoni tagħna hija l-ewwel ġenerazzjoni ta’ Malta li tfendi għal rasha.
“Miniex se nsemmi dak li għaddejna minnu biex wasalna s’hawn, poplu Indipendenti u sovran. Malta Repubblika, b’innu, b’bandiera u lsien.
“Irridkom tiftakru u rrid naqsam magħkom dan is-sentiment. Għax sew jekk inti lemini jew xellugi, Malta kollha, b’dak kollu li firidna jew għaqqadna, Malta ġġieldet għall-istess għan. B’lingwa waħda, b’ilsien wieħed b’ħolma ta’ nazzjon li jemmen f’missirijietu. li joħlom, li jiddiskuti u li jasal,” tenna Charles Azzopardi.
Illum il-lingwa Maltija hija mhedda minn dinja multikulturali. F’dinja li qegħda ssir dejjem aktar diġitali. Meta nirreferi għall-politika fil-qasam tal-ilsien Malti, qiegħed nirreferi għall-politika lingwistika. Jeħtieġ li jkun hemm ċertezza u għarfien tagħha minn kulħadd… rinforz tagħha minn kulħadd u li titħaddem b’mod sħiħ u tajjeb minn kulħadd.
Malti tajjeb, Malti sabiħ, Malti sħiħ… Malti sabiħ tant li jġiegħlek tħossok kburi li inti Malti.
Li tkun Malti sa ftit snin ilu, kien ifisser li tfakkar f’wirt storiku ta’ poplu ċkejken fid-daqs, imma li ddistingwa ruħu bi kbir ma’ popli oħra Ewropej. Li tkun Malti sa ftit snin ilu kien ifisser għeruq sodi li
trabbew fit-tbatija u allura ma jibżgħux ixammru l-kmiem u jaħdmu biex imexxu lil Malta ’il quddiem. Li tkun Malti sa ftit snin ilu kien ifisser integrità, valuri soda u prinċipji.
Illum f’għajnejn id-dinja, il-Malti jrid jiddefendi ruħu mid-dell tal- korruzzjoni, tal-ħasil tal-flus, mill-impunità. Illum uliedna jridu jikbru f’dan id-dell u m’hemm xejn madwarna li jħeġġiġhom jgħożżu pajjiżna, għax pajjiżhom jinsab mhedded minn tmexxija bla ruħ, għax min imexxi pajjiżna llum, tilef l-għeruq tiegħu. Nesa minn fejn telaq u jrid jasal biss fejn twasslu l-kilba tal-flus, l-akkwist u l-poter.
Hu tenna li min imexxi pajjiżna llum nesa x’kienet il-missjoni tiegħu. Min imexxi pajjiżna llum nesa li qiegħed imexxi lill-pajjiż biex jagħtih servizz u biex ikompli l-identità tagħna jagħtiha saħħitha, f’dinja kumplessa u jagħti futur lil uliedna. Fejn uliedna jħossuhom kburin li huma Maltin bit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Fejn uliedna jibqgħu jgħinu f’Malta u għawdex tagħna mingħajr ma jħossu l-ħtieġa u l-bżonn li jemigraw.
Għandna għalfejn inbigħu għeruqna għall-flus? Ejjew għall-mument nifhmu li l-identità tagħna nistgħu nżommuha b’saħħitna billi nfittxu dak li għaqqadna. Bogħod mis-suq u l-materjaliżmu li jrid jiddottrinalna dan il-Gvern. Li nieħdu ħsieb u li nikkonservaw l-ilsien tagħna. Dan ikun mod ieħor kif ningħaqdu, illum, bħala ġens u nerġgħu nipruvaw insibu l-identità tagħna. L-identità li donna tlifna. Minħabba l-mentalità li deffes f’rsna dan il-Gvern.
Il-Gvern, bil-politika tiegħu u bil-mudell ekonomiku li qabad, irid ikun ċert li l-ilsien tagħna jkunx imħares biex jibqa’ b’saħħtu u ma jiġix tat-tieni klassi jew jispiċċa lsien mejjet. Bħalma ġralu l-Latin u bħalma spiċċaw lingwi oħra nattivi. F’din il-gżira llum għandna firxa kbira ta’ kulturi u ġnus differenti. Huwa għalhekk indispensabbli li nerġgħu nkebbsu dik il-ħeġġa fil-ġenerazzjoni l-ġdida.
Fl-istorja tad-dinja kull meta opressur ried jidħol fuq nazzjon ieħor u jagħmlu tiegħu, l-ewwel ħaġa li dejjem għamel hu li jipprojbixxih milli jitkellem il-lingwa nattiva tiegħu, qal Charles Azzopardi.
Jekk lil dan il-poplu llum ma nħarsulux il-lingwa tiegħu, inkunu sraqnilu ruħu. Rajna dan meta l-abjad invada lill-Indjani Indiġeni tal-Amerika; rajniha tiġri lill-Aboriġini tal-Awstralja; rajniha tiġri f’tibet u l-bqija.
“Ma nkunux aħna stess li niddiżrispettaw il-lingwa Maltija. Ejja ma nkunux boloh u ma nkunux aħna stess li neqirdu dak li verament jagħtina identità nazzjonali. Il-lingwa tagħna hija lingwa unika, prezzjuża li ssawret bl-għaraq tad-demm ta’ niesna. ikun għajb kbir jekk bħala nazzjon, inkunu aħna stess li nieqfu ninvestu b’mod tanġibbli fl-ilsien Malti,” enfasizza Charles Azzopardi.
Nuqqas ta’ dan ikun traskuraġni kulturali serju b’konsegwenzi aktar serji u rriversibbli. Ħassiebha u kittieba Maltin qabilna wittewlna t-triq biex ikollna lingwa ħajja biex tinbidel maż-żmien, ma tmutx u tibqa’ relevanti.
Insemmi lil Mikiel Anton Vassalli, lil Ġan Frangisk Abela, lil Pietru Pawl Saydon, lil Ninu Cremona, lill-Poeta Nazzjonali Malti Dun Karm Psaila, Oliver Friggieri u tant oħrajn.
Kien hemm żmien fejn kellna niddeċiedu liema lingwa għandha tkun dik nazzjonali. Jekk għandhiex tkun il-lingwa Taljana li dak iż-żmien kienet il-lingwa tan-nies l-aktar prominenti fis-soċjetà, il-lingwa tal-Qrati u dik tal-Knisja flimkien, mal-Latin. Minħabba li konna kolonja Ingliża l-interess tal-Gvern Ingliż kien li jimbotta l-aġenda tiegħu u li l-ilsien nazzjonali jkun dak ingliż.
Hu kompla li għax il-lingwa Maltija kienet meqjusa l-lingwa dak iż-żmien kienet il-lingwa tal-kċina. Minn din il-kwistjoni kollha ġie deċiz li l-ilsien Malti kellu jiġi elevat u jsir l-ilsien nazzjonali tagħna.
Jekk irridu ninvestu biex il-lingwa Maltija tibqa’ relevanti u tibqa’ verament teżisti rridu ninvestu bis-serjetà f’dan il-qasam. Meta qed ngħid ninvestu, nirreferi għall-investiment li jrid isir fl-għalliema tal-Malti fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex għax dawn qegħdin fuq quddiem biex it-tagħlim tal-ilsien nazzjonali jkun importanti daqs kull ilsien u suġġett ieħor. X’ħasra li wasalna s’hawn. Inħoss li qatt ma kellna nispiċċaw f’din is-sitwazzjoni.
Nirreferi wkoll għall-professuri tal-Università u dawk l-entitajiet regolatorji fdati bit-tfassil tal-politika tal-ilsien Malti u t-tħaddim tiegħu kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Irridu nfasslu strateġija serja li tkun ibbażata fuq l-evidenza ta’ kif nistgħu bis-serjetà l-ilsien Malti nagħtuh l-importanza li tixraqlu. Ejjew niżguraw li fi kwalunkwe programm li nvaraw inkunu ċerti li jkun ibbażat fuq ir-riċerka neċessarja u mhux mudell fittizjuli jkun rregolat mill-esiġenzi tal-ekonomija biss u li jaqdii biss l-esiġenzi tal-impjegabbiltà. Ikunu xi jkunu l-esiġenzi ta’ dan il-pajjiż l-ilsien Malti m’għandu qatt ikun il-ħaruf tas-sagrifiċċju.
Inutli nitkellmu fuq l-edukazzjoni ħolistika u fuq l-edukazzjoni ta’ matul il-ħajja jekk ma nħarsux dak li għandna f’idejna llum u ma nieħdux ħsiebu biex nsaħħuh.
Erbatax-il sena ilu kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li għadda liġi fejn twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Dan il-Kunsill għandu jkun wieħed awtonomu u li jinqata’ mill-politika partiġġjana. Il-kontroll partiġġjan fejn tidħol il-lingwa Maltija jagħmel aktar ħsara milli ġid. Permezz tal-interessi politiċi tagħna, l-ilsien Malti nkunu qegħdin inbiċċruh.
Jeħtieġ li l-entitajiet ikkonċernati u dawk li huma f’awtorità jwasslu għal tisħiħ f’taħriġ speċifiku ta’ użu tajjeb tal-ilsien Malti. Jeħtieġ wkoll li jkun hemm aktar investiment fi produzzjonijet Maltin u dan għal kull età.
Id-Deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ li l-Malti jkun użat bl-għodod diġitali kollha daws kull ilsien ieħor biex naċċertaw ruħna li l-Malti ma jerġax ikun meqjuż bħala l-lingwa tal-kċina. Jekk mhux ukoll fossila sabiħa li xi darba kienet hemm u ħajja.
Aktar minhekk kull Malti għandu jkollu d-dritt li juża l-Malti fejn irid u biex ikompli jistudja bih mhux biss il-Malti, imma biex jieħu s-servizzi meħtieġa li għandu bżonn. Biex iħossu parti min-nazzjon li jappartejni lilu għax hu parti minnu. Kull min juża l-Malti f’pajjiżu qatt m’għandu jsib bibien magħluqin. Irridu nżommu l-lingwa tagħna ħajja u għandna d-dmir li ngħadduha b’apprezzament lil uliedna.
Ejja ma naslux f’sitwazzjoni fejn naħsbu li l-ilsien Malti bih u mingħajru xorta. Allaħares, għax ikun jixraqilna l-forka, temm Charles Azzopardi.
//= $special ?>