Lokali

“Nibqgħu ninsistu li l-Gvern m’għandux jintaxxa ż-żieda tal-għoli tal-ħajja” – Bernard Grech

“Nibqgħu ninsistu li l-Gvern m’għandux jintaxxa ż-żieda tal-għoli tal-ħajja.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech dalgħodu waqt il-programm Analiżi ppreżentat minn Julian Borg waqt li kien qed jindirizza l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja fejn qal kif il-Gvern Laburista qed isib soluzzjonijiet ta’ malajr b’riżultat li qed ikisser lill-poplu Malti.

“Il-Gvern ġab l-ikel tal-friża f’kompetizzjoni diretta mal-prodott lokali,” qal Bernard Grech. “Il-bdiewa ndunaw li l-Gvern daħaq bihom għax ivvota kontrihom minflok qabeż għalihom.”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ tibdil fil-mudell ekonomiku li qed jibqa’ marbut miegħu l-Gvern Laburista, minkejja li ħafna appellaw li dan jinbidel.

“Jidher ċar li hemm bżonn bidla,” qal Bernard Grech. “Mhux kulħadd jaqbel kif għandu jinbidel imma kulħadd jaqbel li hemm bżonn bidla… apparti l-Gvern. U għalhekk hemm bżonn ta’ Partit Nazzjonalista fil-gvern li jagħmel din il-bidla meħtieġa.”

Bernard Grech qal kif Robert Abela qed jara x’jagħmel biex ikisser lil dawk li ma jaqblux mad-deċiżjonijiet tiegħu.

“Hi ċara li l-governanza t-tajba Robert Abela remiha,” qal Bernard Grech. “Qed jattakka lill-maġistrati għax m’għandux kontroll fuqhom. Kull min ma jaqbilx miegħu jrid ikissru.”

Bernard Grech għamel referenza wkoll għall-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-vizzju tad-droga, fejn innota kif il-Gvern kompletament qata’ qalbu.

Quddiem dawn il-kwistjonijiet kollha li Gvern ta’ Robert Abela qed iġib fuq pajjiżna jew jagħżel li jinjorahom, Partit Nazzjonalista fil-gvern se jkun qed jassigura li l-Maltin u Għawdxin igawdu minn ħajja serena.

“Gvern Nazzjonalista huwa b’par idejn sodi li jinvesti fil-futur tiegħek,” temm jgħid Bernard Grech.