Lokali

Robert Abela jiddefendi Viċi Sindku Laburista li hi investigata dwar droga

Laqgħa mqanqla tal-eżekuttiv tal-Partit Laburista aktar kmieni din il-ġimgħa.

Janice Falzon, il-Viċi Sindku Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, kienet fiċ-ċentru ta’ diskussjoni taħraq fil-laqgħa tal-Eżekuttiv ta’ nhar l-Erbgħa li għadda. Janice Falzon hi l-għarusa ta’ Ryan Spagnol li mhux biss hu s-Segretarju tal-Kabinett tal-Ministri, iżda xogħlu hu f’Kastilja.

Kollox inqala’ hekk kif l-Eżekuttiv beda jdur l-ismijiet tal-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Ġunju li ġej u kien hemm min oġġezzjona għall-kandidatura ta’ Janice Falzon għaliex ingħad li din qiegħda tkun investigata mill-Pulizija dwar droga.

Ingħad li ma kienx jagħmel sens li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista japprova din il-kandidatura għaliex ikun qiegħed jibgħat messaġġ ħażin dwar l-abbuż tad-droga. Dan għalkemm l-istess Janice Falzon hi presunta innoċenti sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet fil-konfront tagħha.

Nifhmu li hawnhekk intervjena Robert Abela b’difiża favur Janice Falzon bid-diskussjoni tkompli teskala sakemm il-President Ramona Attard kienet kostretta tkeċċi mis-sala lil wieħed mill-membri tal-Eżekuttiv.

Id-deċiżjoni finali dwar din il-kandidatura kienet pospostha. Kif kienet posposta wkoll id-deċiżjoni finali fil-konfront tal-approvazzjoni tal-kandidatura ta’ Neil Attard, is-Sindku tax-Xgħajra, li wkoll għandu fedina pendali kkulurità hekk kif kien instab ħati mill-Qorti li ffastidja lill-eks tfajla tiegħu billi fl-2015 bagħtilha mas-46,000 messaġġ permezz tal-midja soċjali.

Fl-isfond ta’ dak li ġara fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista din il-ġimgħa, tajjeb li jkun ippreċiżat li Janice Falzon hi l-għarusa ta’ Ryan Spagnol li hu fdat sew minn Robert Abela tant li attwalment poġġih bħala s-Segretarju tal-Kabinett u hu wkoll parti mill-istaff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja!