Lokali

“Sabiex ikollok mudell ekonomiku b’saħħtu huwa meħtieġ li jkun hemm pjan”

Huma ħafna għaqdiet li fl-aħħar xhur sejħu lill-Gvern għal mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli għal pajjiżna iżda dawn is-sejħiet għadhom s’issa jingħataw il-ġenb mill-Gvern Laburista.

Waqt diskussjoni li saret fil-programm Opinjoni ppreżentat minn Dione Borg ġie diskuss l-effett tal-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti li l-Gvern Laburista ma tax wisq importanza għall-effetti li dan it-tibdil se jkun qed iġib fuq pajjiżna.

Bil-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat esprima t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku.

“Kull tip ta’ tkabbir fih it-tajjeb imma fih l-isfidi wkoll u jrid jiġi managed,” qal Agius Muscat. “U aħna bħala assoċjazzjoni, bħala raprezentanti fis-settur tat-turiżmu, iva mela le, niftaħru, kuntenti meta jkun hemm is-suċċess, imma qegħdin ngħidu issa wkoll li wasal iż-żmien li nibdew nimmaniġjaw aħjar, b’mod differenti dan it-tkabbir.”

Waqt l-istess programm, id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Gvern jassigura li pajjiżna jkollu pjan ċar qabel tittieħed id-deċiżjoni li nkabbru l-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

“Konna ppublikajna paper bl-isfidi demokrafiċi li għandna Malta,” qal Farrugia. “Dan 7 snin ilu. U l-aċċen ta’ din il-paper dan kien. Illi jrid ikun pjanar. Ħalli tgħid irid ikun hemm tkabbir fl-ekonomija. Ħalli tgħid irid ikun hemm tkabbir fil-popolazzjoni imma jrid ikollok l-ippjanar u l-infrastruttura biex tilqa’ għalihom. Per eżempju ma jistax ikollok popolazzjoni li tiżdied bi 30% f’10 snin però l-capacity tal-isptar baqgħet li kienet. Trid taħseb. It-toroq, il-provvista tal-enerġija. Jekk tgħid li rridu nimxu f’ċertu direzzjoni, irridu nippreparaw.”

Waqt din id-diskussjoni, l-Accountant, Ralph Puli qal kif id-direzzjoni u l-mudell ekonomiku li qbadna ma kienux ir-riżultat li forsi kien mixtieq u llum il-ġurnata spiċċajna f’sitwazzjoni li ħalliet impatt negattiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.