Il-White House f’Washington ikkundanna l-aħħar kummenti tal-eks-President Repubblikan Donald Trump wara li sostna li għandu ‘jinkoraġġixxi’ lir-Russja biex tattakka kwalunkwe Stat tan-NATO li ma jerfax ir-responsabbiltajiet finanzjarji tiegħu bħala membru tal-Alleanza tal-Punent.
Trump ħareġ bil-kummenti kontroversjali waqt rally għall-partitarji Repubblikani f’South Carolina u fejn żvela li mgħandux jipproteġi pajjiż li jaqa’ lura bil-ħlas lin-NATO. Dan minkejja li l-Istati kollha tan-NATO għandhom id-dmir u l-impenn biex jiddefendu lil kwalunkwe Stat membru li jisfa mira ta’ aggressjoni.
Mistenni li Trump,f’Novembru jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Repubblikan, iżda l-aħħar kummenti xejn ma niżlu tajjeb mal-Gvern Amerikan – bil-kelliema jsostnu li ‘l-eks President qed jinkoraġġixxi l-invażjonijiet tal-pajjiżi Alleati mill-qawwiet ta’ xi reġim qattiel’.
Dan ukoll meta Trump hu kritiku kbir tan-NATO li jqisha bħala piż finanzjarju eċċessiv għall-Istati Uniti biex tiggarantixxi d-difiża ta’ 30 Stati membri oħrajn.
Il-qawwiet tar-Russja invadew lill-Ukrajna ftit aktar minn sentejn mindu Trump kien spiċċa minn President tal-Istati Uniti. U minn dak iż-żmien ‘il hawn, Donald Trump ilmenta diversi drabi dwar l-ammont ta’ fondi li l-Istati Uniti qed tibgħat lill-Ukrajna li mhix imsieħba fl-Alleanza tal-Punent.
//= $special ?>