Lokali

Ta’ Kastilja jkomplu jieħdu kontroll assolut fil-Public Broadcasting Services

Mark Sammut irid iwieġeb ukoll għall-produzzjoni fqira tal-Eurosong.

Charles Dalli ffastidjat li mhux ikun konsultat u jirrealizza li qed ikun użat.

Il-kwistjoni tal-Public Broadcasting Services (PBS) tibqa’ fuq quddiem nett tal-aġenda politika hekk kif ikomplu jfeġġu aktar konsenturi u mankanzi serji fit-Tmexxija li qegħdin iwasslu biex l-intelliġenza tat-telespettaturi mhux biss qiegħda tkompli tkun insulentata, iżda saħansitra l-produzzjoni tal-Malta Eurosong tal-ġimgħa l-oħra kienet waħda fil-veru sens tal-kelma “fqira” u “tal-biża’”.

Baraxx ta’ kummenti b’rabta tal-produzzjoni tal-Malta Eurosong imtellgħa fi tmiem il-ġimgħa l-oħra bit-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services tipprova tirreaġġixxi billi ssemmi ċifri ta’ kemm telespettaturi segwew dan il-festival li f’Malta hu segwit qatigħ.

Imma dawn iċ-ċifri bl-ebda mod ma jiġġustifikaw li l-Public Broadcasting Services ipprovdiet xi servizz ta’ produzzjoni tal-ogħla livell. Xejn minn dan u l-kummenti fil-midja soċjali kienu jikxfu l-verità dwar din il-produzzjoni b’kummenti diretti bħal: “X’faqar ta’ production tal-Eurosong fuq TVM. Filmed f’garaxx. L-art migrufa u mdellka għaġeb. U bla strumenti. Diżastru.”

Chris Dimech qabel ma’ din l-analiżi u żied: “Sound tal-biża’!” B’Anna Portelli twieġeb: “Imqanżħin kienu qed jinstemgħu!”

U mbagħad litanija ma tispiċċa qatt ta’ kummenti, fosthom:

Cinzia Mizzi: “Min ħareġ b’din l-idea ħaqqu l-premju tal-ħmir. Bla vibe ta’ xejn. U aktar kritika għall-fatt li s-serati ttellgħu f’sala ta’ garaxx bla udjenza u saħansitra fejn il-kantanti anqas biss kantaw live!

Aktar ġbid tas-saqajn minn Kristiano Vella: “M’hemmx qata ta’ rjus kbar qisu… allura ma nefqux flus. Qas sufan backstage għax ma serviex għall-kantanti kollha!”

Charles Attard iddeskriva s-serati bħala: “Tal-biki.” Filwaqt li Paul Ayling staqsa: “Kemm huma taċ-ċajt… kif tarawh?”

Rita Cardona kompliet: “The worst production for song for Europe.” U Anita Refalo żiedet: “Diżastru u nsult għall-kantanti u biex ikomplu jaħarquhom ġabu biċċa minn tas-sena l-oħra!”

Kompla jixħet aktar melħ fuq il-ferita Philip Cassar: “Faqar ta’ programm. Jgħajjik. Wasalna fil-qiegħ. Ma baqgħalhomx ideat. Iktar qed jidhru l-preżentaturi jippużaw milli l-kantanti.”

Oliver Tabone qabel u żied: “Vera jidher sfurzat. Qatt ma kien daqshekk tal-qamel. Tal-biki.”

Insomma fl-isfond tal-għexieren ta’ kummenti li saru kien hemm min staqsa wkoll jekk dan kienx eżerċizzju sfurzat li fih it-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services kienet kostretta tiffranka kemm tiflaħ flus għax inkella d-djun ikomplu jikbru… fosthom ukoll biex ikunu jistgħu jitħallsu l-ħafna managers li faqgħu lill-Public Broadcasting Services bil-pagi ġenerużi li jgawdu!

U fl-isfond kollu l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali kompliet tkun maħkuma direttament minn Mark Sammut, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Public Broadcasting Services li mhux biss jinjora għalkollox lill-Ministru Owen Bonnici li litteralment għandu jdejh marbuta fil-konfront ta’ x’jiġri fl-Istazzjon Nazzjonali, iżda issa anki qiegħed jinjora lil Charles Dalli, is-suppost Editur li iżda ma jifhimx akka fl-aħbarijiet b’dan l-istess Charles Dalli qiegħed jirrealizza li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb u se jaggravaw sew.

Mhux biss, iżda sorsi qrib sew ta’ Charles Dalli żvelaw ma’ Il-Mument ukoll li l-istess Charles Dalli qed jifhem li hemm min qed jinqeda bih fil-veru sens tal-kelma… inkluż Mark Sammut li ċerti affarijiet jitkellimhom miegħu, iżda ċerti affarijiet oħra jagħmilhom litteralment minn wara dahru b’Charles Dalli jsir jaf dwarhom wara li jitfattru.

Kollox jindika li Mark Sammut għandu l-arja ta’ Robert Abela li jkompli jagħmel dak kollu possibbli biex fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol u fl-udjenzi jipproġetta li qed jagħmel kollox tajjeb u li l-pajjiż miexi fuq ir-rubini u hekk ċerti kritika li ssir fil-konfront tiegħu u fil-konfront tal-Gvern tinħeba u ma titwassalx lit-telespettaturi.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju għandu kull raġun jilmenta Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta aktar kmieni din il-ġimgħa, f’konferenza tal-aħbarijiet, widdeb kif fl-aħħar ġimgħat, ix-Xandir Nazzjonali kompla jagħti prova li, aktar minn qatt qabel, qed ikun partiġjan għall-aħħar u dan bl-aktar mod sfaċċat.

Michael Piccinino spjega li matul l-aħħar ġimgħa biss, il-Partit Nazzjonalista għamel seba’ lmenti quddiem l-Awtorità tax-Xandir għall-mod kif il-Public Broadcasting Services iddiskrimina kontra l-Partit Nazzjonalista.

Qal li qed ngħixu f’realtà fejn iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Istazzjon Nazzjonali Mark Sammut, u l-Editur Charles Dalli, qed jagħżlu li l-Public Broadcasting Services iservi ta’ magna ta’ propaganda għal Robert Abela u għall-Partit Laburista billi, b’mod kontinwu, qed ikun iċċensurat il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u ta’ dawk li jkunu ta’ kritika fil-konfront ta’ Robert Abela.

Fost l-oħrajn, Michael Piccinino semma’ kif it-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services mhux talli rrifjutat li xxandar dritt ta’ risposta tal-Partit Nazzjonalista, talli xxandret risposta differenti.

Barra minn hekk, għall-protesta li għamlu l-bdiewa ftit tal-jiem ilu, il-Public Broadcasting Services xandar kummenti ta’ Robert Abela minflok tal-bdiewa u r-raħħala li, fost oħrajn, esprimew id-diżappunt tagħhom għall-mod kif il-Gvern Laburita ma qabiżx għalihom fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Michael Piccinino saħaq li l-Public Broadcasting Services mhux qed iwassal dak li għandu jisma’ l-poplu. U mbagħad, għax mhix komda tirċievi kritika, it-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services saħansitra ordnat li tissakkar il-grada ewlenija tal-binja fi Gwardamanġa appena saret taf bil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.

Dan mhu xejn ħlief, fisser Michael Piccinino, konferma oħra ta’ kemm ix-Xandir suppost Nazzjonali spiċċa maħtuf mill-Partit Laburista.