Fil-Jum Internazzjonali tal-Epilessija, il-Partit Nazzjonalista jfakkar lil dawk kollha li għandhom din il-kundizzjoni, li taffettwa l-moħħ u tikkawża aċċessjonijiet frekwenti.
Dan ma jfissirx li individwi bl-epilessija ma jistax ikollhom kwalità ta’ ħajja. Hu għalhekk li għandna nassiguraw li dawk kollha li għandhom din il-kundizzjoni newroloġika jistgħu jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod fis-soċjetà tagħna. Irridu naraw li jkollna aktar għarfien minflok ma tinħoloq stigma.
Graziella Galea, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat insistiet li l-Gvern għandu jassigura li l-mediċini fil-Formularju tiegħu ma jkunux biss dawk ġeneriċi jew ta’ kwalità inferjuri, iżda kull pazjent jingħata l-aħjar mediċina u jassigura li din ma tkunx out of stock mill-POYC. Dan biex ikunu evitati sitwazzjonijiet li kontinwament qed niltaqgħu magħhom, fejn individwi bl-epilessija mhux ikollhom għażla oħra ħlief li jixtru dawn il-mediċini. Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa li fil-Formolarju jiddaħlu mediċini ta’ kwalità għal individwi bl-epilessija biex ikollhom riżultati aħjar fil-kura ta’ saħħithom.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil organizazzjonijiet bħal Caritas Malta u Epilepsy Association, li għandhom rwol importanti biex iressqu ‘l quddiem is-suġġerimenti ta’ persuni bl-epilessija jew persuni li jaħdmu direttament ma’ persuni bl-epilessija, filwaqt li jippromwovu d-drittijiet tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja wkoll lill-professjonisti kollha, li jaħdmu b’tant dedikazzjoni favur pazjenti bil-kundizzjoni tal-epilessija.
//= $special ?>