Internazzjonali

Gaza: L-attakki fuq Rafah qed jitqiesu bħala fażi ġdida tal-gwerra kontra l-Ħamas

NYT2008122714215973C

Il-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, ikkonċentraw mewġa ta’ attakki fuq il-belt ta’ Rafah, biex effettivament fetħu fażi ġdida tal-offensiva li ilha għaddejja x-xhur fuq it-terroristi tal-Ħamas li għandhom diversi bażijiet u battaljuni f’dawn l-inħawi lejn in-Nofsinar ta’ Gaza.

Din il-fażi tal-gwerra qed titqies bħala suċċess għall-Iżraeljani, fost ir-rapporti, minn Rafah, li nqatlu kwantità ta’ terroristi. Madankollu, diversi osservaturi newtrali kundannaw il-qtil ta’ aktar ċivili f’dan l-istadju tal-konflitt – b’Iżrael jidher li qed jinjora t-twissijiet tal-komunità internazzjonali biex jevita katastrofi umana f’Rafah…Belt li qed tipprovdi kenn għal xi 1.5 miljun Palestinjani.

Fl-istess ħin – u b’riżultat tal-attakki fuq Rafah – l-Iżraeljani qed jiċċelebraw il-ħelsien ta’ żewġ irġiel Iżraeljani li kienu ilhom miżmuma ostaġġi mill-Ħamas mindu t-terroristi wettqu l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiaet ta’ Iżrael, ‘il hinn minn Gaza. L-ostaġġi, identifikati bħala Simon Marman u Louis Har, sadanittant, jinsabu f’kundizzjoni tajba minn aspett mediku.

L-aħħar rapporti dwar l-attakki fuq Rafah żvelaw li numru sinifikanti ta’ ajruplani tal-gwerra appoġġjaw ir-rejds tat-truppi intiżi biex jinstabu u jinħelsu l-ostaġġi li ilhom għal dawn ix-xhur f’idejn il-Ħamas.

Dan waqt li kelliema għall-Ħamas f’Rafah qalu li nqatlu ‘il fuq minn 70 Palestinjan fl-assedju fuq din il-belt, li hi l-aħħar refuġju għar-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerra u li qegħdin jaslu hemmhekk minn kull zona ta’ Gaza.

Intant, il-missili tal-Iżraeljani, fost oħrajn, laqtu moskea u diversi djar f’Rafah, fost il-paniku assolut tal-popolazzjoni.

Il-belt ta’ Rafah hi anki importanti peress li, fil-preżent, tipprovdi l-uniku aċċess mill-Medda ta’ Gaza lejn l-Eġittu. Fl-istess ħin, l-eluf kbar tar-refuġjati f’Rafah huma kostretti li jgħixu fit-tined huma u jbatu min-nuqqas akut ta’ ikel, ilma u provvisti mediċi.

Min-naħa tiegħu, Georgios Petropoulos, li jmexxi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, qal li r-residenti f’Rafah huma ‘imwerwrin minn dak li ġej għalihom’ u meta huma qegħdin jgħixu  taħt kalvarju sħiħ waqt li nieqsa mill-aktar affarijiet essenzjali.

U fl-aħħar sigħat, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Awtorità Palestinjana kundanna l-azzjonijiet tal-Iżraeljani li qal irriżultaw ‘f’massakru’ fl-inħawi ta’ Rafah.

Sadanittant, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, filwaqt li esprima sodisfazzjon għall-ħelsien tal-ostaġġi, għamilha ċara li l-qawwiet tiegħu għandhom ikomplu bil-pressjoni fuq il-ġellieda tal-Ħamas li biddlu l-belt ta’ Rafah ‘fl-aħħar fortizza tagħhom’.

Hu tenna li b’hekk biss, Iżrael jista’ jaċċerta ruħu minn rebħa totali fuq il-Ħamas – u bis-sitwazzjoni għandha tippermetti wkoll għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha f’idejn it-terroristi.