Floriana kisbu tlett punti oħra importanti hekk kif ħelsu minn ostakolu ieħor diffiċli, dan wara li huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa meritata għall-Greens li minkejja li fetħu l-iskor qabel għalqet it-taqsima kontra x-xejra tal-logħob, fit-tieni 45 minuta kienu dominanti fejn saħansitra setgħu rebħu bi skor akbar. Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva għal Floriana fil-kampjonat fejn anki matul il-ġimgħa kkwalifikaw għall-kwarti tal-finali tat-Trophy b’rebħa kbira fuq Żebbuġ Rangers. Mhux l-istess jista jingħad għal Hibernians li l-unika raġġ ta’ dawl li jiksbu unur dan l-istaġun sfaxxa hekk kif huma sfaw eliminati minn Gżira United.. Staġun deludenti b’ħafna inkonsistenza.
Kif kien mistenni faċli għal Ħamrun Spartans hekk kif huma għelbu lit-tim tal-qiegħ nett Gudja United bl-iskor konvinċenti ta’ 4-0. B’din ir-rebħa l-Ispartans żammew il-vantaġġ ta’ tlett punti fuq Floriana fil-quċċata tal-klassifika. Mill-banda l-oħra Gudja baqgħu jokkupaw l-aħħar post tal-klassifika, b’sitt punti fejn għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Din kienet logħba li rat lil Ħamrun jiddominaw mill-bidu sal-aħħar hekk kif huma ħadu vantaġġ ta’ tlett gowls fl-ewwel taqsima. Evidenti kienet id-differenza fit-timijiet, wara kollox riflessa mill-pożizzjoni fil-klassifika. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Ħamrun kontra Gudja peress li matul il-ġimgħa huma ltaqgħu fl-Izibet FA Trophy fejn ftit li xejn inbidel. Formalità għall-Ispartans fiż-żewġ okkażjonijiet.
Gowl skurjat tlett minuti fuq il-ħin ta rebħa lil Birkirkara kontra Valletta biex b’dawn it-tlett punti l-Istripes komplew jittamaw li jistgħu jikkwalifikaw għall-Ewropa. Kien Alessandro Coppola li bir-ras wara azzjoni ta’ korner poġġa l-ballun fix-xibka. Telfa għal Valletta li wara li kisbu żewġ rebħiet u draw mill-aħħar logħbiet tagħhom, din it-telfa ħalliethom f’pożizzjoni xejn komda. Dan wara li matul il-ġimgħa Valletta wkoll sfaw eliminati mill-kompetizzjoni tat-Trophy minn Mosta. Fir-rigward ta’ Birkirkara din kienet l-ewwel rebħa fl-ewwel logħba fit-tmexxija ta’ Jose Borg fil-Kampjonat u dan jawgura tajjeb sabiex jaqbdu t-triq tal-konsistenza. Mill-banda l-oħra Valletta jridu jibdew jiġbru l-punti għax it-taqtiegħa fin-naħa t’isfel tal-klassifika hija intensiva ħafna.
Santa Lucia kisbu rebħa importanti li taf tiswa mitqlu deheb hekk kif huma għelbu lil Balzan b’gowl uniku skurjat kwarta minn tmiem il-partita. Tlett punti li bihom is-Saints komplew jinqalgħu min-naħa t’isfel u minkejja li għadhom fiż-żona relegazzjoni iżda issa l-istampa hija ħafna aħjar mill-kienet ftit tal-ġimgħat ilu. Jekk jaqgħu ser jagħmlu dan jiġġieldu sal-aħħar. Balzan ukoll kellhom disfatta fl-aħħar ġranet hekk kif huma kienu eliminati minn Sliema Wanderers mill-kompetizzjoni tat-Trophy, logħba li marret fil-ħin barrani u ġiet deċiża b’penalty kontroversjali fl-aħħar mumenti. Biex din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta oħra għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri li issa ilu erba’ logħbiet mingħajr rebħa u jinsab mal-grupp tan-naħa l-ħażina tal-klassifika.
Gżira United kisbu rebħa ta’ kuraġġ wara li huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 1-0. It-tim immexxi minn Andrew Cohen, wara li matul il-ġimgħa elimina lil Hibernians mit-Trophy, kompla bil-vena tar-rebħ fejn issa kien imiss li jiksbu l-punti tant importanti fil-kampjonat. Naxxar Lions, minkejja li kellhom bidu eċċellenti għall-Kampjonat, issa ilhom erba’ logħbiet ma’ jiksbu rebħa, u tant hija komplessa l-klassifika li jridu joqgħodu attenti sabiex ma’ jinqabdux fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni bla mistenni. Wara li fl-ewwel round il-konfront ta’ bejn dawn it-timijiet kien spiċċa fi draw ta’ 1-1, din id-darba l-miżien qaleb favur il-Maroons hekk kif gowl tas-solitu Thaylor Aldama ddeċieda l-partita.
Draw deludenti bejn Sliema u Mosta f’logħba li l-Wanderers kienu favoriti li jiksbu t-tlett punti u jikkonsolidaw it-tielet post tal-klassifika. Dan kien it-tielet draw għall-Blues fil-kampjonat biex ikkonfermaw li t-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat żgur ser tkun bejn żewġ timijiet biss. Mosta daħlu għal din il-partita b’moral għoli wara li huma għaddew għall-kwarti finali tat-Trophy. Mosta kienu ġejjin minn żewġ draws u rebħa. Ovvjament l-aktar importanti għalihom hija s-salvazzjoni fejn dan il-punt minn konfront diffiċli kontra Sliema Wanderers ikompli jimlihom bil-kuraġġ. L-istorja f’din il-logħba kienet ferm differenti minn dik tal-ewwel round li Sliema kienu rebħu bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Logħba li ftit li xejn offriet bl-azzjonijiet ikun rari fuq il-lasti rispettivi.
Sirens u Marsaxlokk kienet l-aħħar logħba mis-16-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Draw ta’ 1-1 bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn it-tim immexxi minn Winston Muscat falla ċ-ċans li jersaq aktar lejn Sliema Wanderers. Filfatt Marsaxlokk kienu l-aħjar tul il-partita iżda fallew numru ta’ ċansijiet ta’ skor li fl-aħħar pattew qares għalihom. Wara li fl-ewwel round ix-Xlukkajri kienu rebħu dan il-konfront bl-iskor ta’ 3-1, nhar il-Ħadd huma ħadu l-vantaġġ fl-ewwel taqsima tal-logħba iżda naqsu li jkomplu jibnu fuq dan biex kien it-tim minn San Pawl il-Baħar li fil-bidu tat-tieni taqsima kiseb il-gowl tad-draw li baqa’ jżomm sat-tmiem. Riżultat li prattikament ma’ bidel xejn fil-klassifika.
LI evidenti kienet in-nuqqas t’attendenza għal-logħbiet li ntlagħbu matul il-ġimgħa mill-Izibet FA Troophy. Dan minkejja li kien hemm numru ta’ logħbiet diretti bejn timijiet mill-Kampjonat Premier.
LI l-kowċ Malti Gilbert Agius rebaħ l-unur tal-kowċ tal-Ġimgħa fl-Indoneżja. Agius huwa l-kowċ ta’ PSIS Semarang fejn huma jinsabu fit-tieni post tal-klassifika tal-kampjonat maġġuri.
LI anki l-plejer tat-tim nazzjonali Malti Jodi Jones kien ippremjat mill-Football League fl-Ingilterra meta huwa ntagħażel bħala l-aqwa plejer għax-xahar ta’ Jannar fil-League Two. Jones jilgħab ma’ Notts County fejn bħalissa jinsabu fl-għaxar post, b’ċans tajjeb li jagħmluha għall-play offs.
//= $special ?>