Internazzjonali

Il-Finlandja: Alexander Stubb jegħleb lil Haavisto fl-elezzjoni għall-Presidenza

Ir-rebbieħ tal-elezzjoni Presidenzjali tal-Ħadd fil-Finlandja hu l-eks Prim Ministru konservattiv Alexander Stubb; bir-riżultati finali jikkonfermaw li hu rebaħ kważi 52 fil-mija tal-vot nazzjonali

Sadanittant, ir-rivali tiegħu, Pekka Haavisto,tal-Partit tal-Ħodor u li għamel żmien bħala l-Ministru Finlandiż għall-Affarijiet Barranin, kiseb mad-49 fil-mija tal-vot u issa ammetta t-telfa b’mod uffiċjali.

L-elezzjoni kienet l-ewwel waħda importanti għall-Finlandiżi mindu pajjiżhom issieħeb fl-Alleanza tan-NATO wara snin twal ta’ newtralità.

Min-naħa tiegħu, Alexander Stubb qed jaddotta stil ta’ politika riġida  ‘u mingħajr kompromessi’ fir-rigward tar-Russja li taqsam fruntiera mal-Finlandja. Fil-fatt, Stubb kien ikkummenta pubblikament li l-futur tal-Finlandja kien ‘bilfors’ fi ħdan in-NATO ftit wara li l-qawwiet tar-Russja kienu invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.