Raġel, eks-impjegat ma’ kumpannija tat-tbaħħir, qatel tlett persuni waqt attakk fuq uffiċċju ta’ din il-kumpannija fl-inħawi ta’ Glyfada, ftit ‘il hinn mill-kapitali Ateni.
L-ewwel rapporti mill-Greċja, ladarba s-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll, qalu li l-vittmi kienu żewġ irġiel u mara u li l-aggressur, wara, ikkommetta suwiċidju fuq il-post.
Il-pulizija li wieġbu għall-emerġenza sabu lill-aggressur mejjet mal-art u meta maġenbu kien hemm azzarin li mifhum li kien qed jintuża mir-raġel.
L-awtoritajiet wara qalu li r-raġel – Eġizzjan ta’ 70 sena — riċentement, kien tkeċċa mill-kumpannija u li s-sid tal-kumpannija, bl-isem European Product Carriers, kien fost il-vittmi tal-isparatura.
Ir-raġel armat kien qabad lil kulħadd għall-għarrieda meta daħal fil-bini u fejn minnufih qabad jispara lejn l-impjegati – bit-tlett vittmi jsofru ġrieħi fatali.
Ir-rapporti anki referew għal ‘sitwazzjoni ta’ ostaġġi’, bl-aggressur imbagħad jingħalaq f’kamra fit-tieni sular tal-bini – u bil-pulizija, flimkien mal-membri ta’ taqsima speċjalizzata għal kontra t-terroriżmu, jiċċirkondaw l-uffiċċju fost il-preżenza tal-fire engines u l-ambulanzi.
Fis-sigħat ta’ wara, il-pulizija damu s-sigħat jinnegozjaw mal-aggressur biex jikkalmaw is-sitwazzjoni – u bir-raġel jikkonkludi d-drama b’li jdawwar l-arma tiegħu fuqu nnifsu.
L-isparaturi ta’ dan it-tip huma rari fil-Greċja fejn l-awtoritajiet jeżerċitaw il-liġijiet stretti għall-pussess tal-armi tan-nar.
//= $special ?>