Qorti

Jesper Kristiansen se jammetti il-qtil doppju ta’ Pandolfino u Maciejowski: Ftehim bejn il-partijiet ta’ 40 sena ħabs

Id-Daniż Jesper Kristiansen, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil doppju tat-tabib Christian Pandolfino ta’ 50 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, se jammetti minflok jgħaddi ġuri wara li ppreżenta nota quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras, li kienet appuntata biex tisma’ l-ġuri tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil.

Kristiansen li llum għandu 33 sena u li kien ġie estradiet lejn Malta minn Spanja ftit xhur wara l-qtil għandu jiġi kundannat 40 sena ħabs fuq il-qtil wara li d-difiża mmexxija mill-Avukat Stefano Filletti u l-Avukat Kevin Valletta li qed imexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali qablu ma’ din il-piena, li mistennija tingħata nhar it-Tlieta, 20 ta’ Frar.

Iż-żewġt irġiel kienu nqatlu kiesaħ u biered fit-18 ta’ Awwissu tal-2020 ’diveri tiri ta’ arma tan-nar. Kollox kienu jindika li dan l-omiċidju seħħ waqt pjan ta’ serqa fl-istess residenza f’Tas-Sliema. Dwar dan l-omiċidju se jgħaddu ġuri Daniel Muka mill-Albanija u Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq.

Christian Pandolfina kien nqatel b’ħames tiri ta’ arma tan-nar fosthom wieħed f’għonqu waqt li s-sieħeb tiegħu nqatel b’tir wieħed f’wiċċu.Kien it-Tnejn filgħodu waqt seduta quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras li t-tliet akkużati fil-qtil kienu preżenti.

Kien ippjanat li l-ġuri kien se jsir tat-tlieta flimkien u mhux b’mod separat. Madankollu l-Qorti ħadet konjizzjoni tan-nota preżentata mill-Avukat ta’ Jesper Kristiansen fejn ġie spjegat li sar il-ftehim bejn il-partijiet li jgħid li huwa kien se jammetti s-sehem tiegħu f’dan il-qtil doppju.

L-akkużat ikkonferma lill-Qorti dan kollu fejn huwa issa mistenni jammetti formalment l-akkużi miġjubimn kontrih bil-Qorti mistennija tgħaddi għas-sentenza mill-ewwel. Huwa mistenni li proċeduralment Kristiansen jixhed li fil-każ ta’ Muka u Dragomanski meta terġa’ tinfetaħ il-kumpilazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Stefano Filletti u Roberto Montalto qed jidhru għal Kristiansen, għal Muka qed tidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana u għal Dragomanski qed jidher l-Avukat Josè Herrera waqt li l-Avukati Joe Giglio u Michela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi.