Tabib mill-emerġenza fl-isptar Mater Dei qal li mara kienet sofriet minn impatt qawwi permezz ta’ daqqa b’oġġett iebes fuq moħħha, u li allegatament kienet aggredita minn raġel akkużat bi qtil doppju fil-Marsa. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Iddrisu Faisal ta’ 34 sena.
Faisal, mill-Ghana, jinsab mixli li qatel lil Joseph Bartolo ta’ 73 sena u lil Carmen Abela ta’ 56 sena, kif ukoll li pprova joqtol mara oħra min-Niġerja, li kienet spiċċat aggreditia. Il-vittmi nqatlu fi stalel li kellhom fil-Marsa fil-15 ta’ Ottubru li għadda.
Faisal jinsab akkużat ukoll li weġġa’ gravi lill-mara Niġerjana u li weġġa’ ħafif raġel ieħor Niġerjan, kif ukoll akkużi relatati ma’ reżistenza għall-arrest, ħsara fil-proprjetà privata, li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija u li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija.
L-Avukat Thomas Armatys qal li fid-data inkwistjoni kien qiegħed jaħdem fid-dipartiment tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei. L-Avikat Ramon Bonett Sladden wera lix-xhud dokument ta’ rilaxx tal-mara li kienet baqgħet ħajja mill-attakk u spiċċat bi ġrieħi gravi.
Mistoqsi dwarhom it-tabib qal li l-mara kienet iddaħħlet bi tbenġila fuq in-naħa tax-xellug ta’ moħħha u ferita fuq id-driegħa tax-xellug. Huwa qal li l-ġrieħi kienu kkawżati minn daqqa ta’ ċertu impatt. Wara xehdet it-tabiba Ruth Camilleri li kienet eżaminat uffiċjal tal-pulizija li sofra brix fin-naħa tax-xellug ta’ wiċċu waqt l-inċident.
Minbarra l-qtil doppju, Faisal jinsab mixli wkoll b’attentat ta’ qtil u ġrieħi gravi fir-rigward ta’ żewġt aħwa, raġel u mara li kienu qed jikru kmamar fl-eks skola taż-żwiemel fi Triq it-Tigrija fejn seħħ il-qtil. Waqt seduta preċedenti l-Qorti kienet semgħet żewġ kerrejja oħra jixhdu dwar kif Bartolo kien iddispjaċih li kellu lil Faisal bħala kerrej wara li kemm-il darba nqalgħu argumenti bejniethom dwar il-kera.
Dakinhar il-Ħadd filgħodu tal-15 ta’ Ottubru kienu seħħew ħwejjeġ tal-biża hekk kif l-argumenti splodew. Ġar li kien qed inaddaf il-gaġeġ tal-għasafar fuq il-bejt tar-residenza tiegħu faċċata tat-triq mill-istalel tal-Marsa kien irrapporta li sema’ għajjat. Lemaħ raġel ta’ ġilda skura jħabbat b’qawwa kollha mal-bieb tal-farmhouse b’oġġett twil tal-metall.
Diġa ħareġ mill-provi li l-pulizija tal-kavallerija kienu l-ewwel li waslu fuq il-post tad-delitt mill-istalel tagħhom fil-qrib. Il-vittmi nstabu ġewwa l-kwartieri privati tagħhom, wiċċhom ’il fuq mal-art, ġisimhom bla ħajja viżibbli mill-bieb ta’ barra tal-injam imfarrak, rashom mimduda f’għadira mdaqqsa ta’ demm.
Qraba tal-koppja malajr kienu kkonfermaw l-identità tagħhom. Is-suspettat aggressur ġie arrestat ftit wara. Huwa kien aġitat u kellu jiġi ‘tasered’. Sussegwentement ir-raġel ġie skortat l-isptar Mater Dei fejn baqa’ bl-imġieba aggressiva tiegħu u kellu jingħata tranquilizers.
Fis-seduta tat-Tnejn, l-Avukat tal-akkużat Joe Brincat iddetta nota, li fiha qal li xtaq “jagħmilha ċara li d-difiża kellha tisma’ bil-kwiet dak li kellha xi tgħid il-prosekuzzjoni, issa li l-qorti kienet iddikjarat li kien hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jiġi akkużat, f’dan l-istadju tal-proċedimenti.”
“Kien ċar li jekk tiġi ppreżentata rikors għall-libertà proviżorja, il-prosekuzzjoni toġġezzjona għall-inqas għax il-provi kollha ma nstemgħux,” sostna l-avukat, “konsegwentement ikun inutli li d-difiża tippreżenta r-rikors, li tagħti bla bżonn lill-imputat tama falza biex jiġi meħlus.” Il-każ se jkompli fit-22 ta’ Frar fl-10am. meta mistennija jixhdu tliet tobba oħra.
Il-prosekuturi Kaylie Bonnett u Ramon Bonett Sladden qed imexxu l-prosekuzzjoni, flimkien mal-Ispettur Wayne Camilleri. L-Avukat Joe Brincat huwa l-avukat difensur. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Jason Azzopardi qed jirrappreżentaw lill-vittmi parte civile.