Lokali Qorti

Mhux milqugħa talba biex familja ta’ bdiewa tiġi żgombrata: Twissi lis-sid kontra t-theddid

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey ma laqgħetx talbiet li saru minn sid ta’ art agrikola f’Burmarrad biex jiżgombra familja ta’ bdiewa u jingħata kumpens għat-telf li allega li qed isofri minħabba li l-kera hija waħda baxxa.

il-Qorti qalet li s-sid bl-ebda mod ma sofra kif qal minn ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu kif protetti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u dan għal diversi raġunijiet.

Il-kawża saret fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minn Mark Gaffarena kontra l-Avukat tal-Istat u kontra Joseph Briffa ta’ 74 sena u Giovanna Briffa ta’ 67 sena, li qegħdin jokkupaw l-art tiegħu b’titlu ta’ qbiela, li fuqu jħallsu €191.56ċ fis-sena. Ħareġ fil-Qorti li l-art tikkonsisti f’binja msejħa ‘Il-Palazz,’ li magħha għandha 15,020 metru kwadru ta’ art, magħrufa bħala ‘Ta’ Lippin’.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti wżat ukoll kliem iebes ma’ Gaffarena fejn qalet li qed tagħmilha ċara li ma tara xejn ħażin fi spekulazzjoni ġusta ta’ proprjetà. Dan magħdud li l-Qorti ma tistax tħalli inosservat ix-xhieda
tal-inkwilini Briffa, inoltre mhux kontradetta, meta tenna illi mal-akkwist tal-proprjetà da parti, huwa beda’ jirċievi theddid biex jiżgombra.

Għal Qorti dan l-aġir ta’ min jippretendi illi huwa cowboy mhux aċċettabbli u tista’ biss tikkundannah.
Il-Qorti saħqet li bl-ebda mod mhi ser tippermetti li l-fattur primarju li rrenda l-investiment tar-rikorrent dak li hu, se jintuża sabiex sid l-art jieħu kumpens ulterjuri mill-Istat. “Kieku l-Qorti tippermetti dan, tkun mhux biss qed tippermetti inġustizzja iżda tkun ukoll qed tippermetti nsult lejn is-soċjetà in ġenerali li tħallas it-taxxi ghall-ahjar amministrazzjoni tal-ġid komuni.

“Il-Qorti ċertament li mhux ser tkun qed tippermetti dan it-tip ta’ abbuż!”, qal l-Imħallef Spiteri Bailey. Gaffarena argumenta li l-art hi stmata li tiswa’ bejn wieħed u ieħor €3.5 miljun, u li l-familja Briffa la qed tgħix fil-proprjetà u wisq inqas taħdem l-art. Qal li r-razzett kien żdingat u ġie rranġat meta kienet sejra l-perit tal-Qorti, madankollu ammetta li huwa qatt ma talab biex jidħol ġewwa.

Joseph Briffa ma qabilx mal-argumenti ta’ Gaffarena u sostna li huwa minn dejjem għex f’dan ir-razzett u li ġej minn familja ta’ bdiewa, tant li l-art ilha tinħadem fil-familja tiegħu sa minn meta nanntu ħadet it-titlu tal-qbiela.

Kompla jgħid lill-Qorti li huwa bidwi full-time u qatt ma għamel xogħol ieħor. Tenna li jekk il-qbiela togħla l-mistier tiegħu ma jibqax vijabbli, minħabba li l-qligħ mir-raba huwa baxx. Il-Qorti qalet li skont il-perit tekniku, il-proprjetà għandha valur ta’ iktar minn €1 miljun.

Barra minn hekk, dan kien inxtara mis-sid attwali fl-2016 bil-prezz baxx ta’ €69,881, proprju minħabba li kien okkupat b’titlu ta’ kirja protetta. B’kalkolu sempliċi jirriżulta li fl-akkwist li għamel ir-rikorrenti, huwa ħallas biss madwar 6% tal-valur veru ta’ dik il-proprjetà f’dak iż-żmien. qal l-Imħallef Spiteri Bailey

Il-Qorti qalet li għalhekk, permezz tal-investiment tiegħu, is-sid kien akkwista ħafna iktar milli kieku kien jakkwista f’kera skont il-valur tas-suq, u għalhekk ma jistax jallega li ġarrab xi ksur fid-drittijiet tiegħu, u wisq inqas huwa intitolat għall-kumpens mill-istat.

Barra minn hekk, il-Qorti żiedet tosserva li sakemm kienu għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti, il-Gvern daħħal żewġ emendi fil-liġi deskritti mill-Qorti bħala “importantissimi li jpoġġu lil sid il-kera f’pożizzjoni ferm aħjar minn dik li kien igawdi fl-2020,” meta nfetħet il-kawża. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Mark Gaffarena u ordnatlu biex iħallas l-ispejjeż kollha tal-Qorti, inkluż tal-familja Briffa.