Lokali Qorti

Mixli bi 17-il akkuża relatati ma’ serq, riċediva u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti

Raġel ta’ 30 sena, residenti Ħal Qormi li hu magħruf sew mal-Pulizija inżamm taħt arrest wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Marse Ann Farrugia fuq diversi akkużi ta’ serq u li liema reati allegatament ikkommetta waqt li kien taħt diversi kundizzjonijiet tal-Qorti fuq reati oħra, u li sar riċediv.

Andreas Buħaġiar ġie mixli fi żmien ix-xahar ta’ Settembru tal-2023, ġewwa Triq il-Wileġ, San Pawl il-Baħar, ikkommetta serq ta’ vettura tal-għamla Toyota Vitz fl- ammont li jeċċedi l-€2,329.37.  Ġie mixli wkoll li laqgħa għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, jiġifieri l-istess vettura.

Huwa ġie akkużat ukoll li matul il-lejl ta’ bejn it-13 u l 14 ta’ Ottubru li għadda minn ġewwa garaxx fi Triq il-Kus, Ħal Qormi, seraq diversi għodod u kompressuri, liema ammont jaċċedi is-somma €232.94ċ iżda ma jeċċedix l-€2,329.37ċ. Ġie mixli wkoll talli fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi, volontarjament għamel ħsara fl-istess post li ma jiskorrix is-somma ta’ €2,500 iżda huwa iżjed minn €250.

Akkuża oħra fil-konfront tiegħu tgħid li matul l-istess lejl tas-serqa karozza minn garaxx, li jinsab fi Triq il-Burdnara, kantuniera ma’ Triq il-Kaċċatur ġewwa Ħal Qormi, liema karozza hi tal-għamla Toyota Townace, bl-ammont jeċċedi l-€2,329.37ċ. Ġie mixli li xjentament laqgħa għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa u ċioe l-istess vettura.

Ġie mixli wkoll li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi, għamel ħsara jew għarraq ħwejjeġ ħaddieħor u li matul l-istess lejl wettaq serqa minn ġo ‘stationary food truck’,  fi Triq L-Industrija, Ħal Qormi fejn ikkommetta serq ta’ cash register, flus kontanti u grossos tas-sigaretti u li għamel ħsara fil-propjetà tas-serqa.

Akkużi oħra jinkludi li fil-jum tal-14 ta’ Ottubru li għadda, kkommetta serq ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni minn fuq vettura tal-marka Cheverolet Captiva u li laqgħa għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, ċioe il-pjanċi tar-reġistrazzjoni.

Ġie mixli wkoll li matul il-lejl ta’ bejn it-2 u it-03 ta’ Frar, li għadda minn ġewwa stabbiliement fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta, kkommetta serq ta’ flus, liema serq huwa kkwalifikat bil-mezz, bil-ħin u bil-valur liema ammont jeċċedi is-somma ta’ €232.94ċ. iżda ma jeċċedix l-€2,329.37ċ.  Ġie mixli wkolll li għamel ħsara fl-istess stabbiliment.

L-akkużi komplew jinqraw quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn kien mixli li  matul ix-xahar ta’ Frar li għadda jew qabel, naqas milli jħares xi waħda jew iżjed minn waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fid-digriet datat l-10 ta’ Marzu, 2020, mill-Qorti Kriminali.

Dn billi kkommetta reati ta’ natura volontarja.  U aktar talli fl-istess dati, ħinijiet, lok u ċirkostanzi, naqas milli jħares xi waħda jew iżjed minn waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fid-digriet tas-16 ta’ Marzu li għadda mill-Qorti tal-Maġistrati.

U aktar talli fl-istess dati, ħinijiet, lok u ċirkostanzi, naqas milli jħares xi waħda jew iżjed minn waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu fid-digriet datat 3 ta’ Jannar li għadda mill-Qorti tal-Maġistrat diversament preseduta.

U finalment aktar talli fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi ikkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ supervizzjoni temporanju mogħti mill-Qorti Kriminali u li l-Qorti ntalbegt li titratta ma’ Andreas Buhagiar bhala persuna reċidiv, b’sentenzi li huma defenittivi u ma jistgħux jiġu mħassra u dan ai termini tal- Artikoli 49, 50 u 289 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Roderick Attard, Joseph Mallia, Francesca Maria Calleja u l-Ispettur John Sammut. Għall-akkużat dehret l-Avukat Yanika Bugeja li f’dan l-istadju ma għamlet l-ebda talba għall-pleġġ.