Lokali

Robert Abela ma jeskludix ir-ritorn ta’ Chris Cardona

Il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed iħalli l-bieb imbexxaq għar-ritorn tal-eks Deputat Mexxej u eks Ministru Laburista Chris Cardona.

Dan hekk kif, inevitabbilment, il-ġurnalisti t-Tnejn waranofsinhar staqsew lil Robert Abela jekk jaċċettaħx lura – b’Abela la jgħid iva u wisq inqas le, hekk kif insista li ma jridx jispekula.

Net News staqsih domanda li sempliċiment tirrekkjedi risposta faċli ta’ iva jew le – jekk jeskludix li Chris Cardona jirritornax fix-xena politika mal-Partit tal-Labour….li tiegħu għadu membru….bil-Mexxej Laburista jibqa’ jħalli l-bieb imbexxaq għal Cardona.

Apparti minn hekk, Robert Abela ta x’jifhem li għandu relazzjoni tajba ma’ Chris Cardona u li ħadd u xejn m’hu se jidħol feles bejniethom. 

Fl-aħħar ġimgħat il-Prim Ministru għażel li jħejji t-triq sabiex idur mill-kelma tiegħu u jerġa’ jiftaħ idejh beraħ biex jilqa’ lura lil Rosianne Cutajar – seħbitu fid-distrett – li minkejja li kienet irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista lura f’April, xorta waħda xi ftit jew wisq fil-Parlament baqgħet tappoġja lil-Labour; tant illi ma nbidel xejn, għax baqgħet tpoġġi mad-Deputati Laburisti qisha waħda minnhom.

Barra minn hekk, Abela fetaħ il-bieb biex jilqa’ lura lill-eks Ministru Justyne Caruana….u ma eskludiex ir-ritorn fix-xena politika tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. U issa Abela, qed isibha bi tqila wkoll jikkumenta dwar Chris Cardona – l-istess Cardona li ftit tal-jiem ilu kien intervistat mill-messaġġier ewlieni tal-Labour, Manwel Cuschieri fuq l-istazzjon Smash.

Intant, il-ġurnalisti staqsew lil Robert Abela jekk bdewx id-diskussjonijiet mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech rigward is-suċċessur ta’ George Vella bħala President ta’ Malta…b’Abela anke hawn iħossu skomdu jikkumenta.