Internazzjonali

Wara l-valanga fil-Filippini: Għexieren ta’ neqsin ‘bl-ebda ċans’ li jinstabu l-ħajjin

L-awtoaritajiet fil-Filippini qatgħu qalbhom għal kollox li jinstabu l-ħajjin qalb villaġġ li, jiem ilu, kien intradam taħt valanga kbira tat-tajn.

Il-villaġġ, parti minn zona fejn hemm il-minjieri tad-deheb, jinstab fil-provinċja ta’ Davao de Oro u mifhum li fil-valanga mietu l-għexieren tan-nies, b’għexieren oħra ta’ residenti jisfaw midruba.

L-uffiċjali, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li kien għad hemm ‘il fuq minn 50 nieqsa, waqt li l-ħaddiema għall-emerġenzi fl-inħawi kienu qed jistennew biss ‘li jtellgħu aktar katavri minn taħt il-munzelli tat-tajn.’

L-aħħar persuna li nstabet ħajja qalb l-istraġi kienet tifla ta’ tlett snin li kienet salvata wara aktar minn 60 siegħa taħt it-tajn u t-tifrik – bis-sejba tagħha qed titfisser bħala ‘miraklu’.

Il-kelliema għall-awtoritajiet qalu, intant, li t-tfittxija għandha tkompli fl-inħawi anki jekk huma qed jassumu li ma fadal l-ebda ħajjin wara l-valanga li qerdet talanqas 60 dar minbarra li għattiet numru ta’ vetturi inklużi l-karozzi tal-linja.