Kunsilli Lokali Lokali

Abela ma jiċħadx li s-Sindku tal-Mosta qed jiġi investigat

Il-Prim Ministru Robert Abela ma ċaħadx li s-Sindku tal-Mosta Chris Grech qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija għal raġuni li s’issa għadha mhux magħrufa.

Mistoqsi minn Net News jekk kellimx lil Grech dwar din is-sitwazzjoni, Abela wieġeb sempliċiment li għalissa s-Sindku Laburista tal-Mosta m’għandu ebda akkuża fil-Qorti fil-konfront  tiegħu.

Kienet proprju il-gazzetta il-mument illi żvelat li Chris Grech kien inġabar mill-Pulizija b’rabta ma’ investigazzjoni partikolari li kienet qed titwettaq; bl-Avukat Jason Azzopardi sussegwentament jiżvela fuq il-media soċjali li Grech kien jinsab barra fuq police bail.

Bosta saħqu kif Grech baqa’ xorta waħda jokkupa l-kariga ta’ Sindku tal-Mosta meta jinsab taħt investigazzjoni tal-Pulizija, bl-esperti jinsistu li l-etika titlob li tal-inqas jissospendi ruħu temporanjament.

Mhux talli dan ma sarx, talli saħansitra waqt attività tal-Partit Laburista fil-Mosta…ftit jiem biss wara li Grech spiċċa allegatament ingħata l-Police Bail…dan kien preżenti mal-partitarji biex juri l-appoġġ tiegħu lil Robert Abela.

B’hekk, kollox qed jindika li Robert Abela ma talabx lil Chris Grech sabiex jissospendi ruħu ladarba l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Lura fl-14 ta’ Jannar il-gazzetta il-mument kienet irrapportat li s-Sindku Laburista tal-Mosta, Chris Grech kien qed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijet Kriminali – aħbar li l-Labour baqa’ ma ċaħadx.

Sa issa, għadha mhix magħrufa ir-raġuni eżatta għal din l-investigazzjoni; iżda ‘il-mument’ żvelat li kien hemm interrogazzjoni illi saret fil-binja tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija – interrogazzjoni li saret  is-Sibt 13 ta’ Jannar.