Lokali

“Il-Gvern hu distakkat mir-realtajiet u għandu l-prijoritajiet żbaljati” – PN

Kulħadd qed iħoss il-piż tal-għoli tal-ħajja, tant li stħarriġ wara l-ieħor qed juri biċ-ċar li dan il-fenomenu qed jibqa’ l-akbar kwistjoni ta’ tħassib fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Hu għalhekk ta’ dispjaċir li, minflok ma jagħti l-prijorità li jeħtieġ lil din il-kwistjoni, kif sar minn ħafna Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fejn ir-rata tal-inflazzjoni tbaxxiet sew, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jaħraq il-fondi pubbliċi bl-aktar mod irresponsabbli possibbli.

L-aħħar aħbar, li l-preżentatur għall-Malta Film Awards tħallas l-ammont eżuberanti ta’ €120,000 għal sagħtejn u nofs xogħol tikkonferma dan: €821 fil-minuta jew aktar minn kemm ħaddiem Malti fuq il-paga minima jaqla’ fl-aħħar tax-xahar.

Jidher ċar li l-Gvern għandu l-prijoritajiet tiegħu ħżiena. Minflok ma jindirizza kwistjonijiet pertinenti kif jgħin lill-ħaddiema, lill-istudenti u lil dawk l-aktar vulnerabbli f’dan iż-żmien diffiċli, il-Gvern qed jibqa’ jsib modi ġodda kif iberbaq il-flus mit-taxxi tal-ħaddiem Malti.

Minflok ma l-għalliema jingħataw dak li ħaqqhom u minflok ma jsir l-investiment bie tkun miġġielda l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, il-prijorità tal-Gvern hi li jimla l-bwiet tal-ftit, f’ċerimonji li jgawdu biss il-ftit tal-qalba. Filwaqt li l-Gvern qed jintaxxa l-COLA tiegħek, qed jgħaddi ċekkijiet ta’ €120,000 lil ħaddieħor.

Għall-Partit Nazzjonalista, inti ħaqqek aħjar.

Dan intqal fi stqarrija minn Ivan Castillo ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja u Julie Zahra ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura.