Kultura Lokali

Illejla jiġi fi tmiemu l-Karnival bil-Gran Defile fi Triq Sant Anna

It-Tlieta filgħaxija jiġi fi tmiemu l-Karnival ta’ din is-sena fi Triq Sant’Anna l-Floriana. Għalkemm il-Ħadd li għadda tħassret l-isfilata tal-karrijiet minħabba l-maltemp li għamel tul il-jum, it-Tnejn t-temp ippermetta, u l-pubbliku seta’ jkompli jitpaxxa bil-karrijiet u biż-żfin fi Pjazza San Ġorġ.

Il-possibiltà li jagħmel iżjed maltemp u jħassar l-aħħar attivitajiet tal-karnival kien qed jinkwieta lil ħafna appassjonati tal-Karnival, li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa dawn il-ġranet sabiex igawdu din il-festa tant popolari mal-Maltin – speċjalment it-tfal, li għalihom il-Karnival iġib ħafna ferħ.

Dan l-istazzjon tkellem ukoll mal-organizzaturi tal-Karnival fejn qalulna li għalihom hu ta’ sodisfazzjon li t-temp ippermetta.

It-Tnejn fil-Belt Valletta saret parata minn diversi skejjel u gruppi taż-żfin. Fil-Forti Sant Anġlu itellat ukoll il-Qarċilla – żwieġ umoristiku Malti.

Naturalment kollox jilħaq il-qofol tiegħu fil-Floriana t-Tlieta filgħaxija bil-Gran Defile u l-ballu l-kbir f’Misrah Tritoni, li jwassal il-Karnival fi tmiemu. Imbagħad jibda l-perjodu tar-Randan, li wara erbgħin jum jilħaq il-qofol tiegħu bil-festa tal-Għid il-Kbir – l-akbar festa fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika.