Lokali

“Ir-riżultati miksuba fit-turiżmu għandhom isarfu f’aktar investiment” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jemmen illi ninsabu f’mument kruċjali fejn għandha ssir diskussjoni nazzjonali mal-“stake holders” tas-settur turistiku sabiex nippjanaw it-turiżmu tal-futur. L-enfażi f’din id-diskussjoni m’għandhiex tkun tant tellieqa għan-numri iżda fuq kollox waħda ffukata lejn turiżmu ta’ kwalità bbażat fuq binarji ta’ sostenibbilità b’ħarsien u rispett lejn l-ambjent u s-soċjetà illi tkun qed tilqa’ t-turist fostna. 

It-tbassir tat-Turiżmu għal din is-sena u r-riżulati miksuba matul is-sena 2023 jawguraw il-potenzjal ta’ dan il-pajjiż, il-poplu fi ħdanu, l-imsieħba u l-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu. 

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-premju dejjiemi għal dan is-settur għandu jkun programm ta’ investiment qawwi fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna, kif ukoll fl-infrastruttura ġenerali tal-pajjiż. Mingħajr dan l-investiment, l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna taf ma tkunx waħda pożittiva u ta’ livell mistenni. 

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario De Marco.