Is-sentenza ta’ Jeremie Camilleri ta’ 34 sena, se tingħata mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fil-5 ta’ Marzu li ġej dan wara li kkonferma l-ammissjoni tiegħu fil-qtil taċ-ċittadina Torka, Pelin Kaya ftit aktar minn sena ilu, fil-Gżira.
Kien il-ġimgħa l-oħra li Camilleri informa lill-Maġistrat Rachel Montebello, li quddiemha kienet qed tinstema’ l-kumpilazzjoni fejn qalulha li kien qed jammetti l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Wara diskussjonijiet estensivi bejn id-difiża u l-Avukat Ġenerali kien hemm qbil li Camilleri jiġi kkundannat 37 sena ħabs.
Id-difiża u l-prosekuzzjoni qalu li l-ftehim kien ukoll marbut mal-fatt li kienet għadha ħarġet l-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Camilleri u anke, skont il-prosekuzzjoni fid-dawl tal-fatt li l-ħati ma’ ammettiex fl-istadju bikri tal-proċeduri.
L-Imħallef Scerri Herrera qalet minn naħa tagħha li skont il-liġi hi mhijietx marbuta ma’ dan il-ftehim u għalhekk kienet qed tħalli s-sentenza għal tliet ġimgħat oħra. Camilleri ammetta li volontarjament baqa’ dieħel fuq Pelin Kaya bil-karozza fil-Gżira, f’inċident li kien ixxokkja pajjiż sħiħ, qtil ta’ persuna li Camilleri lanqas biss kien jaf.
Kien nhar it-Tnejn, 5 ta’ Frar, li Camilleri ammetta li fis-sigħat bikrin tat-18 ta’ Jannar saq karozza BMW X6 dritt għal fuq Kaya, bil-vettura tispiċċa taħbat fi stabbiliment tal-fast food u kkaġuna straġi sħiħa. Diskussjonijiet li saru bejn id-difiża u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jfisser li issa Camilleri mhux se jgħaddi ġuri akkużat bi qtil volontarju. Dan għaliex sar pateġġament, li jfisser ftehim rigward il-piena, li l-massimu tagħha hu ta’ għomor il-ħabs.
Camilleri, li kien joqgħod Ħal Lija, qabel ma spiċċa l-ħabs b’rabta ma’ dan il-qtil ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih. B’kollox hu kien qed jiffaċċa 14-il akkuża, li fost oħrajn jinkludu li waddab il-ġebel fuq Kaya wara li tajjarha, li ħebb għal persuni li marru biex jagħtlu l-għajnuna lill-vittma, li saq taħt l-influenza tad-droga u li kiser ordni ta’ probation.
Jeremie Camilleri ammetta l-inċident orribbli tal-qtil tal-mara li dak inhar stess tal-inċident kienet għalqet 30 sena. Id-diskussjonijiet fuq ftehim dwar il-piena kienu ilhom għaddejjin ix-xhur u sa fl-aħħar kien hemm qbil bejn il-partijiet, anke jekk finalment l-Imħallef, iżda f’każijiet rari jista’ jew tista’ ma taqbilx mal-ftehim tal-partijiet. F’dan il-każ il-Qorti qablet mal-partijiet dwar il-piena.
Meta fl-aħħar seduta kellha titkompla l-kumpilazzjoni, l-Avukat Difensur Alfred Abela, wieħed mill-avukati ta’ Camilleri, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien se jammetti għall-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Maġistrat Rachel Montebello, li kienet qed tisma’ l-provi fil-każ, staqsiet lil Camilleri jekk hux qed jikkonferma dak li kien qed jgħid Dr. Abela, anke fid-dawl tal-fatt li ammissjoni bħal din tfisser piena massima ta’ għomor il-ħabs.
Camilleri, mingħajr eżitazzjoni qal lill-Maġistrat li kien qed jikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Fid-daw tal-ammissjoni tiegħu, l-Qorti tal-Maġistrati qalet li kienet se tinforma lill-Qorti Kriminali dwar din id-deċiżjoni.
Il-karozza taħbat ma’ pompa tal-petrol u tispiċċa fil-KFC
Mix-xhieda waqt il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, ħareġ li fit-18 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu kienet daħlet telefonata dwar inċident tat-traffiku fi Triq l-Imsida fil-Gżira, li x’aktarx kien hemm persuna mejta.
Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu karozza li ħabtet ma’ pompa tal-petrol u baqgħet dieħla fl-istabbiliment KFC tal-Gżira. L-inċident kien seħħ fis-1.00 am. meta l-għarus ta’ Kaya kien għadu kemm jasal Malta biex jiċċelebra għeluq snin it-tfajla tiegħu, l-istess persuna li kkonferma li kienet hi l-vittma ta’ dan il-qtil. Fuq il-post numru ta’ ħaddiema tal-ambulanza kienu taw il-kura lill-vittma li kellha ħafna demm ma’ rasha. Hi ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertifikata mejta.
Fil-post deher ħafna ġebel mal-art u l-karozza kellha l-‘hazard lights’ mixgħewlin. Fuq il-post kien hemm ukoll żarbuna bajda li wara ġiet identifikata li kienet tal-vittma. Xhud f’dan il-każ qal li kien ra lil Jeremie Camilleri jwaddab il-ġebel lejn Pelin Kaya. Persuna ieħor kien qal lill-pulizija li kien attakkat u aggredit mill-akkużat u sofra ġrieħi. L-akkużat kien ukoll ittieħed l-Isptar Mater Dei peress li kien ġarrab xi feriti.
Ħaddiem f’ħanut tal-pastizzi xehed ukoll wara l-kumpilazzjoni li dak il-ħin inzerta barra l-ħanut ra vettura dieħla fil-faċċata tal-istabbiliment KFC u li ma kienx induna li ttajret persuna. Iżda wara l-ħabta, ix-xufier ħareġ u tah daqqa f’għonqu b’tant forza li spiċċa biex waqa’ mal-art. Is-sewwieq imbagħad ta daqqa ta’ sieq lil tal-ħanut waqt li kien fl-art.
Persuna oħra li kienet tkellmet fuq il-post, qalet lis-surġent li kien qed isuq il-karozza tiegħu stess mid-direzzjoni tal-Imsida u sema’ brejk qawwi. Is-sewwieq tal-vettura l-oħra, ħareġ mill-karozza u pprova jagħtih daqqa ta’ ponn iżda rnexxielux.
Imbagħad l-aggressur kien ipprova joħroġ mill-karozza. Din il-persuna li kienet fuq il-post saqet ‘il bogħod b’veloċità qawwija, u qaċċat il-mera tal-BMW. Dan qal lix-xhud li kien waqaf ftit ‘il bogħod, u ra lir-raġel jitfa’ l-ġebel, jgħajjat u jitkellem ħażin
Persuna oħra kien ipprova jassisti lill-vittma, iżda s-sewwieq tal-BMW X6, jiġigieri l-akkużat kien żammu milli jersaq lejha. Huwa ra lis-sewwieq jitfa’ l-ġebel lejn il-vittma. Wieħed minn dawk li kienu fil-qrib kien iċċekkja l-polz ta’ Pelin, iżda meta waslu l-pulizija l-folla ta’ nies fil-qrib telqet u ħallewh waħdu.
Il-Pulzija kienu identifikaw lill-akkużat miis-CCTV cameras kollha li kienu ta’ għajnuna. Dakinhar stess memvru tal-Korp tal-Pulizija kien preżenti għal tfittxija fir-residenza ta’ Camilleri f’Ħal Lija. Omm l-akkużat kienet tat iċ-ċavetta lill-Pulizija, iżda ma setgħux jiftħu l-bieb peress li kellu ċavetta fin-naħa l-oħra.
Omm l-akkużat daħlet mill-propjeta’ maġenbha u fetħet il-bieb għall-Pulizija. L-art tal-appartament kienet miksija bl-ilma. Il-mowbajl ta’ Camilleri inqabad mill-pulizija u ttieħed bħala xhieda. Ġewwa d-dar ma nstab xejn aktar ta’ rilevanza.
Il-BMW X6 użata mill-akkużat saret tfittxija l-għada f’Ta’ Kandja, fejn kienet ġiet irmunkata. L-akkużat kien preżenti għaż-żewġ tfittxijiet. Ġewwa l-karozza ma nstab xejn ta’ rilevanza. Imbagħad Camilleri ġie skortat lejn il-lockup tal-Furjana. Ix-xhud qal ukoll li kien irkupra filmati CCTV minn djar ġirien id-dar ta’ Ħal Lija tal-akkużat.
Surġent, li kien preżenti flimkien mal-espert tal-inkjesta għall-estrazzjoni ta’ data mis-CCTV cameras fil-lokalitajiet imsemmija. L-iqsar triq possibbli biex Camilleri jasal fuq il-post tad-delitt ġie stabbilit bħala l-bypass ta’ Birkirkara.
Għalhekk, l-investigaturi staqsew lill-LESA jekk inħarġux xi multi ta’ veloċità fuq il-vettura użata mill-akkużat bil-lejl. Kien hemm il-BMW misjuqa minn Camilleri kienet qed tinstaq b’75.8km fis-siegħa fuq il-bypass. Is-Surġent ġabar skeda tal-ħin tal-movimenti tal-akkużat, li tikkonsisti f’aktar minn 170 ritratt, li esebixxa fil-Qorti.
Camilleri kien ħa seba’ minuti biex wasal minn Ħal-Lija sal-Gżira
L-akkużat Camilleri dam biss seba’ minuti biex saq mir-residenza tiegħu ta’ Ħal Lija sal-post fejn seħħ l-inċident fatali. Wieħed mir-ritratti qabad lill-vittma ttir fl-arja, huwa qal. Camera oħra turi ġisimha jinstabat mal-art. Ritratti oħra juru lil Camilleri jattakka lil dawk li kienu fil-qrib u uħud mill-persuni fil-qrib jiġġieldulu lura.
Ix-xhud kien qal li sensiela ta’ ritratti juru lill-akkużat jitbaxxa ħames darbiet biex jiġbor il-ġebel mill-art. L-aħħar darba qabad tnejn. Persuna li kienet fil-post ipprova jitfa’ ġebla lejn Camilleri, li qabadha milll-art u tefagħha lejn Pelin. Ritratt ieħor juri lil Camilleri jiġbor ġebla oħra u jitfagħha lejn min ikun hemm.
Karozza pparkjata fil-qrib hija wkoll fil-mira ta’ Camilleri, qal ix-xhud. Kull inċident li nqabad fuq filmat ngħata numru.
Camilleri, imwieled Toulouse minn missier Malti-Alġerin u omm Franċiża, huwa tifel waħdieni, li kien jgħix ma’ ommu f’dar f’Ħal Ħal Lija u li aktar tard mar joqgħod fl-istess lokalità f’residenza għalih, qabel ma spiċċa l-ħabs b’rabta ma’ dan il-każ.
Camilleri qed jiġi akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha, kkaġuna ferita ħafifa fuq ċertu John Muscat u persuni oħra, għamel ħsara f’pompa tal-petrol, saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effett tad-droga u xorb alkoħoliku.
Huwa kien qed jiġi mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenza,ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pusses tiegħun d-droga kokaina u s-sustanza Diazepam u li kiser ordni ta’ probation. Ħareġ li Camilleri kien qed isuq karozza tal-għamla BMW u tajjar lil Pelin Kaya, meta kienet miexja ħdejn il-pompa tal-petrol Paul & Rocco fi Triq Testeferrata għall-ħabta tas-siegħa ta’ nhar fil-jum tal-Erbgħa, 18 ta’ Jannar.
Is-sewwieq irriżulta pożittiv b’livelli għoljin għall-kokaina u l-alkoħol waqt testijiet li saru fl-Isptar Mater Dei wara l-inċident. Il-filmati miksuba waqt l-investigazzjonijiet urew kif is-sewwieq saq dritt għal ġo Keya u li hu ma kienx tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu. Skont il-Pulizija u l-filmati Camilleri ħareġ mill-karozza u tefa’ l-ġebel lejn il-vittma hekk kif kienet mimduda fl-art.
Camilleri diġá kien diġa tressaq il-Qorti u kiser il-liġi fl-età ta’ 23 sena, meta fl-2012 wieġeb ħati li kkometta €900 f’danni fuq proprjetà ta’ mara u ngħata sentenza sospiża ta’ sena. Camilleri kien involut ukoll f’inċident ieħor f’Novembru li għadda, meta xi ħadd tefa’ apparat splussiv żgħir f’daru minn tieqa u mbagħad ħarab.
L-Ispettur Kurt Zahra mexxa l-Prosekuzzjoni bl-għajnuna tal-avukati tal-AĠ Kaylie Bonnett u Nathaniel Falzon. L-Avukat Shazoo Ghaznavi rrappreżenta l-familja tal-vittma. Għall-akkużat Camilleri dehru l-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin.
//= $special ?>