Lokali

“Kemm se ddum tixtri u tixtri – il-biki għandi” – Mara titkellem dwar l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom

Mediċini out of stock, żieda fil-prezzijiet, sfida waħda wara l-oħra għaċ-ċittadini.

Din hija r-realtà li qed jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin – din hija karba ta’ bint ta’ żewġt anzjani li tkellmet ma’ Net News u li xtaqet tibqa’ anonima hekk kif minkejja kollox – fl-2024 għad hawn min jibża’ jsemma’ leħnu.

Din il-mara li tkellmet ma’ Net News saħqet li l-mediċina li tieħu ommha li tinsab f’soddha…mediċina biex terħilha daqsxejn mill-uġiegħ tinsab out of stock u ma tafx mnejn se ssibha – u jekk ma ssibx tista’ tibda tħejji sabiex teħodha lejn l-isptar.

“Qaltli out of stock għidtilha jien x’se nagħmel? Għidtilha jien tnejn biss għandi, qaltli ħeq out of stock sinjura qaltli ara x’issib mingħand ħaddieħor.  Jiena mhux se noqgħod niġri b’mara ommi 95% bed- ridden. Jiena x’ħa nagħmel? Irrid inħalliha waħeda. Qaltli out of stock, għidtilha mela nhar l-Erbgħa naqbad nippakkja l-bagalja u neħodha lejn l-isptar…il-biki jtik.”

Dan filwaqt li kompliet tisħaq dwar il-fatt li l-istennija hija waħda tal-għaġeb…b’sigħat twal biex ommha tiġi invistata.

“Jekk ħa ninżel l-isptar inqas minn 15-il siegħa ma nagħmlux biex jgħajjatilha tabib. Dan mhux qed ngħid 7 jew 8 sigħat – din x’jiġifieri? U jaf jagħtiha xi IV u jgħidli ħudha lura lejn id-dar, se noqgħodu tilgħin u neżlin l-Isptar. Jien m’għandix lilha biss, irrid nieħu ħsieb lill-missieri wkoll. Minflok poġġejthom f’home qed nieħu ħsiebhom jien.”

Saħqet ukoll dwar il-kundizzjonijiet li jitħallew ommha u missierha fl-isptar, u appellat sabiex isir xi ħaġa mill-aktar fis.

“Hemm bżonn naraw x’nagħmlu, hemm bżonn li jrid jara x’jagħmel. Mhux l-isptar u għax ġabu magna tiswa l-eluf jew il-miljuni u għax għamilna hekk u hekk. Aħna mhux dawk irridu. Jiena darbtejn kuljum qed immur l-isptar ħdejn missieri biex nagħtih x’jiekol. L-ikel,  jekk nibgħatlek ritratti tgħidli lanqas huwa tajjeb għall-annimali.”

Hija sostniet li bejn mediċini u prodotti dejjem jgħolew mhux qed tlaħħaq mal-ħajja filwaqt li insistiet li l-Gvern verament għandu bżonn jgħin lil min qiegħed isofri.

“Il-biki li jtini ta’ kull xahar, jien pensjoni minnhom naqbadha u nqassamha – pharmacy, nixtru n-nappies għax nappies ma jtinix kemm għandha bżonn għax tuża 7 kuljum. Meta jaqbadha daqsxejn dijarrea ovjament trid tuża aktar. Jagħtina għal 3 kuljum – 90 nappy fix-xahar. L-4 nappies oħrajn ta’ kuljum irrid nixtrihom. Din x’raġuni hi? Jew se ngħinu lil min huwa fil-bżonn u batut jew ma ngħinu lil ħadd. Tgħidli imma għandek 3? Tmur tixtri pakkett nappies inqas minn €25 ma tixtrihx tafx, plus inti mhux dawk biss tixtri.”

B’dieqa kbira hija qalet li l-pensjoni ma sservihomx biex jgħixu komdi – għaliex minkejja li l-Gvern jagħti parti mill-mediċini li jixtru xorta waħda mhux biżżejjed.

“Toqgħod tixtri, tixtri, tixtri – dawn m’għandhomx xi pensjoni  ta €3,000 fix-xahar. Jagħtina 60 pirmla għal xahrejn, it-30 oħra jien x’se nagħmel? Mhux nixtrihom irrid jekk għandna bżonn 90. Il-biki għandna – dan ta’ kull xahar tafx, tal-biża’. Għidli inti kif iridu jgħixu komdi. Mhux qed ngħid imorru nieklu darba fil-ġimgħa ta’ barra imma nħix komda.”

Dan kollu filwaqt li bħal kull familja oħra qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida qawwija tal-għoli tal-ħajja, liema sfida żgur li qed tkun ta’ problema għal bosta…b’din il-mara tirrepeti dak li diġà qalu ħafna…li l-iskema tar-roħs fil-prezzijiet ta’ 15-il tip ta’ oġġett ma kienetx biżżejjed.

“Il-ħajja ta’ kuljum tispara ‘l fuq, il-mediċini l-ħin kollu jiżdiedu fil-prezz, kull ħaġa li qed immissu kollox qed jgħola, kollox qed jgħola. Tiġix tgħidli għax naqqas il-prezzijiet ta’ –int kemm ħa tixtri l-istess oġġett kuljum? Jiena fl-aħħar tal-ġimgħa tax-xahar ma baqalix flus fil-but. Aħna tkun miżerja għax qed nonfoq ħafna. Ħafna ifhem, aħna qiegħdin 4 minn nies – żewġ minn nies huma b’kundizzjonijiet differenti mela jien irrid naħseb għal tnejn minnhom.”

Intant filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin qed isofru fis-silenzju wara l-ħitan ta’ djarhom….Robert Abela qed jibqa’ jinsisti biex jibqa’ jintaxxa l-għajnuna tal-COLA u jibqa’ ma jnaqqasx ir-rata tal-VAT – dan fl-istess waqt li sar magħruf li l-Gvern tal-Labour ħallas €120,000 lill-preżentatur Brittaniku għal serata waħda……wara sentejn jiprovaw jaħbu kemm ħalsuh minn but il-poplu.