Lokali

“L-ibħra Maltin ilhom minn Ġunju bla sorveljanza” – PN

“Il-poplu qata’ qalbu mill-Gvern tant li spiċċa jdur fuq il-Partit Nazzjonalista sabiex pajjiżna jerġa’ jiġi fuq saqajh.”

Dan intqal mix-Shadow Ministers, Ivan Castillo, Darren Carabott, u Mark Anthony Sammut waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN dwar l-aħħar skandlu fi ħdan Transport Malta b’rabta mar-RHBIs – li ġew akkwistati minn Transport Malta, u li ma kinux iċċertifikati tajbin għall-baħar.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jikxef dan l-iskandlu dwar ir-Rigid-Hull inflatable Boats – liema azzjoni wasslet biex dawn id-dgħajjes jitwaqqfu. L-imsemmija RHIBS mhux biss ma ġewx iċċertifikati tajbin għall-baħar imma l-anqas qatt ma ġew irreġistrati – għalkemm xorta waħda kienu qegħdin jintużaw.

Sal-lum għadu mhux magħruf x’inhu l-eżitu tal-investigazzjoni interna li talab il-Partit Nazzjonalista biex jiġi identifikat kif dawn ġew aċċettati minn Transport Malta, u x’azzjoni beħsiebu jieħu l-Gvern. Tant illi d-deputat Ivan Castillo stqarr illi l-istituzzjoni f’pajjiżna spiċċaw jaħdmu biss meta l-Partit Nazzjonalista jaqbadhom fuq sieq waħda.

Minn dak iż-żmien ’l hawn il-Partit Nazzjonalista talab għall-kontabbilità, u kif ukoll talab li l-uffiċjali tal-Maritime Enforcement jiġu fornuti bir-riżorsi li għandhom bżonn biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Minħabba li dawn twaqqfu, illum pajjiżna qiegħed fi stat fejn Transport Malta mhix qiegħda tissorvelja l-ibħra Maltin.

Id-deputat Mark Anthony Sammut minn naħa tiegħu qal illi il-Gvern Laburista ġab riċetta perefetta għall-abbużi fi ħdan l-awtoritajiet li suppost huma indipendenti.

Din is-sezzjoni fi ħdan Transport Malta għadha mingħajr ir-riżorsi meħtieġa; u dan wassal biex hemm 18-il ħaddiem li qiegħed jistenna r-riżorsi biex jagħmel xogħolu. Dan ifisser ukoll li bħalissa mhux qed isir ebda infurzar fl-ibħra Maltin. Bid-deputat Darren Carabott jappella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga llum qabel għada.

Il-Partit Nazzjonalista tenna kif dan huwa każ ieħor fejn dawk tal-qalba qed ikomplu jitħanżru u jkomplu jiffangaw… filwaqt li l-poplu jħallas.